Lokali

Bernice Cassar inqatlet b’żewġ tiri; għamlet ħames rapporti lill-Pulizija dwar żewġha

Kien għall-ħabta tat-8 ta’ dalgħodu meta l-Pulizija rċiviet rapport li kien hemm sparatura viċin Kordin… sparatura li eventwalment kienet dik li qatlet lil Bernice Cassar. U l-vittma kienet għamlet ħames rapporti lill-Pulizija, inkluż rapport il-bieraħ filgħodu, kontra żewġha stess.

Il-vittma għamlet ħames rapporti minn Mejju ‘l hawn

Dan kien konfermat mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà waqt konferenza li saret fid-dawl tal-qtil, meqjus bħala femiċidju, li seħħ dalgħodu.

Lejn il-vittma ġew sparati tliet tiri, b’żewġ tiri jolqtu lill-vittma, wieħed mit-tir f’wiċċha u l-ieħor f’sidirha. F’dan id-delitt intuża shotgun, bl-arma tan-nar għadha ma nstabitx, maħsub li din għadha għand l-aggressur.

Il-Pulziija ilhom mid-9:20 ta’ dalgħodu biswit ir-residenza tal-aggressur għaddejjin b’negozjati miegħu. Madanakollu, s’issa għadu ma tax ruħu b’idejh. Il-Pulizija mhix mgħarfa li l-aggressur kellu arma tan-nar irreġistrata fuq ismu.

Fuq barra tar-residenza hemm sigurtà qawwija, fost tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lill-Pulizija.

Wieħed mir-rapporti li għamlet il-vittma kien ta’ vjolenza fiżika tant li sofriet ġrieħi ħfief, bir-rapporti l-oħra kienu ta’ vjolenza psikoloġika.

Il-Pulizija kienet qed tinvestiga dawn il-każi, b’Gafà ma jgħidx x’investigazzjoni kienet għaddejja.