Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Draw ta’ mingħajr gowls bejn id-Danimarka u t-Tuneżija

(Ritratt: EPA)

DANIMARKA…………0

TUNEŻIJA……………..0

F’partita ta’ żewġ uċuħ, id-Danimarka u t-Tuneżija spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls bl-ewwel taqsima tkun iddominata mit-Tuneżin filwaqt li d-Daniżi kienu l-aħjar tim fit-tieni 45 minuta.

L-ewwel xutt perikoluż tal-partita wasal mit-Tuneżija wara 11-il minuta permezz ta’ Mohamed Drager li l-konklużjoni tiegħu kienet devjata f’korner mid-difensur ta’ Barcelona Andreas Christensen. Fit-22 minuta fuq in-naħa l-oħra x-xutt ta’ Andersen kien newtralizzat mill-goalkeeper Tuneżin Dahmen. It-Tuneżija jkunu l-aħjar tim fil-pitch u fid-39 minuta minn azzjoni ta’ korner Alissa Laidouni ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jgħaddi ftit barra. Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima reġgħu kienu t-Tuneżin fuq l-attakk bix-xutt ta’ Issam Jebali jkun imdawwar f’korner minn Schmeichel biex l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Id-Danimarka dehru aktar organizzati fit-tieni taqsima u fis-57 minuta kross insidjuż ta’ Damsgaard isib lil Dolberg li minn taħt il-lasta bir-ras ma laqatx tajjeb u tefa’ barra. Fid-69 minuta Christian Eriksen b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa bil-goalkeeper Dahmen jirrispondi b’save sabiħ li dawwar f’korner. L-istess Eriksen minn korner tefa’ kross fuq Christensen li bir-ras għadda lejn Cornelius li d-daqqa ta’ ras mill-viċin tiegħu kienet maqlugħa minn fuq il-linja minn Meriah. L-aħħar azzjoni tal-partita waslet fit-tielet minuta tal-ħin miżjud mid-Daniżi bis-sostitut Jesper Lindstrom jipprova xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li kien milqugħ b’diffikultà minn Dahmen. B’hekk fl-ewwel partita minn Grupp D d-Danimarka u t-Tuneżija jieħdu punt kull wieħed.