Lokali

Esperti jgħidu li l-emenda tal-Gvern “tbexxaq il-bieb għall-abort”

Grupp ta’ esperti fil-mediċina, fix-xjenza, fil-politika soċjali u tal-familja, fil-filosofija, fl-etika, fil-psikoloġija u, fil-liġi, sostnew illi l-emenda li ressaq il-Gvern dwar it-terminazzjoni tat-tqala:

1. qed tiftaħ il-bieb biex l-abort isir legali f’pajjiżna.

2. Meta tħares lejn l-emenda li qed iressaq il-Gvern mill-ewwel tinduna li ma jsemmix biss li l-mara tkun fil-periklu li titlef ħajjitha iżda l-Gvern qed iżid il-kliem “jew saħħitha f’periklu gravi”.

3. Skont il-WHO u l-United Nations il-kelma ‘saħħa’ tinkludi anke s-saħħa mentali.

4. Dan ifisser t-terminazzjoni tat-tqala mhux se ssir biss jekk il-ħajja tal-mara tkun fil-periku iżda wkoll f’każ ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali. Dan ifisser li l-abort jista’ jibda jsir jekk il-mara jkollha sitwazzjonijiet mentali gravi li ma għandhom qatt jiġġustifikaw li tkun sagrifikata l-ħajja tat-tarbija.

Għal dan il-għan minflok din l-emenda li ressaq il-Gvern:

243B. Ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta t- terminazzjoni ta’ tqala tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħidilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.”

Aħna qed nipproponu din l-emenda:

Ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l- mewt ta’, jew ħsara gravi fuq, tarbija mhux imwielda tirriżulta minn intervent mediku mwettaq bl-iskop li jsalva l-ħajja tal-omm meta jkun hemm riskju reali u sostanzjali ta’ telfien tal-ħajja tal-omm minn marda fiżika.

Aktar tard aħna se nkunu qed nippubblikaw paper li tidħol b’mod profond fl-għanijiet ta’ din l-emenda li qed nipproponu. Aktar tard nippubblikaw ukoll il-lista tal-professjonisti kollha li qed jappoġġjaw l-oġġezzjoni għall-emenda tal-Gvern u l-proposta konkreta tagħna.