Lokali

Fl-Università ta’ Malta jigradwaw mal-1,800 student

Il-ħolma ta’ diversi żgħażagħ saret realtà. Dan hekk kif it-Tnejn wara nofsinhar, bdew iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni tal-istudenti li ġabu degree mill-Università ta’ Malta.

B’kollox se jigradwaw aktar minn 1,800 student.

Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni li bdew it-Tnejn 21 ta’ Novembru, se jiġu fi tmiemhom fit-28 ta’ Novembru.

Wara sentejn ta’ gradwazzjonijiet b’diversi protokolli maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, issa l-qraba tal-istudenti se jkunu jistgħu igawdu dan il-mument tant speċjali fl-istess sala fejn isir il-gradwazzjoni, mingħajr użu ta’ maskra u mingħajr distanża soċjali.

It-Tnejn .. fis-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta kien imiss lill-istudenti li gradwaw mill-Fakultà tal-Health Sciences kif ukoll l-istudenti li gradwaw mill-Fakultà tax-Xjenza.

Tul il-jum tat-Tlieta, komplew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-istudenti u l-buscades tradizzjonali. Fl-istess jum, kien imiss il-gradwazzjoni ta’ aktar studenti fosthom dawk li gradwaw mill-Fakultà tal-Ligi u l-istudenti li gradwaw mill-Fakultà tat-Teoloġija.

Aktar tard filgħaxija saret ukoll il-gradwazzjoni tal-istudenti li gradwaw mill-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u studenti li gradwaw mill-Fakultà tal-Media – fosthom il-kollega u ġurnalista ta’ Net News Julia Falzon.

Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ NET Television tawgura l-isbaħ xewqat lil dawn il-gradwati kollha li temmew l-istudji taghhom mill-Universita ta’ Malta.