Internazzjonali

Il-Ġappun: Prova ta’ missila fost it-tensjoni fir-reġjun

Il-qawwiet tal-Ġappun ippruvaw missila ġdida intiża biex tinterċetta xi azzjoni ostili minn pajjiż ieħor u bħala parti minn eżerċizzju – magħruf bħala ‘live fire test’ – li sar ‘il hinn mill-kosta tal-Hawaii, b’kooperazzjoni mal-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti.

Il-missila – jew Standard Missile 3 – kienet sparata minn vapur tat-tip destroyer u rnexxielha tolqot ‘missila ballistika’ finta sparata mill-militar Amerikan.

Il-‘live-fire tests’ qed isiru fost it-tensjoni bejn il-Ġappun, il-Korea ta’ Fuq u ċ-Ċina u wara li l-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida, il-ġimgħa l-oħra, akkuża lill-Koreani komunisti dwar l-isparar ta’ missila ballistika interkontinentali li niżlet fiz-zona ekonomika esklussiva tal-Ġappun.

Kishida fisser l-azzjoni bħala inaċċettabbli waqt li sejjaħ biex pajjiżu, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel jikkoordinaw flimkien ‘għad-denuklearizzazzjoni totali tal-Korea ta’ Fuq’. Il-Gvern Ġappuniż anki akkuża liċ-Ċina u lir-Russja b’li qed iwettqu t-titjiriet ‘konġunti’ u li mhumiex awtorizzati minn fuq il-Baħar tal-Ġappun, fost l-inkwiet kbir dwar is-sigurtà nazzjonali.