Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-WHO inkwetata dwar id-destin ta’ miljuni ta’ nies matul ix-xitwa

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed twissi li miljuni ta’ nies fl-Ukrajna se jispiċċaw fi ġlieda għall-ħajja matul ix-xitwa – u meta nofs l-infrastruttura tal-enerġija f’dan il-pajjiż spiċċa meqrud jew inkapaċitat.

Fil-preżent, xi għaxar miljun Ukren jinsabu mingħajr dawl, b’dan ikun ikkonfermat minn Hans Henri P Kluge, li hu d-direttur reġjonali tal-WHO għall-Ewropa.

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna qed tidher tassew iddisprata fost stennija li t-temperaturi jinżlu għal taħt l-20 gradi Celsius f’xi zoni tal-pajjiż. Dan meta l-WHO iddokumentat ‘il fuq minn 700 attakk fuq l-insfrastruttura tas-saħħa fl-Ukrajna mindu l-qawwiet Russi invadew lil dan il-pajjiż fl-aħħar ta’ Frar.

L-Armata Russa qed tkompli bil-bumbardamenti fuq l-istallazzjonijiet tal-enerġija flimkien mal-bini taċ-ċivili bħala parti minn tattika ‘ġdida’ wara li kienet ġarrbet disfatti kbar kontra l-qawwiet Ukreni fuq il-kamp tal-battalja.

U  l-impatt tal-assedju fuq l-infrastruttura tal-Ukreni għandu jinħass dejjem aktar bid-dħul sew tax-xitwa. Hans Henri P Kluge għamilha ċara li din ix-xitwa kapaċi tkun fatali għal mijiet tal-Ukreni, bis-sistema tas-saħħa f’pajjiżhom qed tiffaċċja l-agħar ġranet kemm ilha li bdiet il-gwerra. Hu kompla li l-aħjar soluzzjoni fiċ-ċirkustanzi għandha tasal biss bit-tmiem ta,l-konflitt.

Fil-preżent, mijiet ta’ sptarijiet u faċilitajiet tas-saħħa fl-Ukrajna mhumiex qed jiffunzjonaw bil-massimu tal-kapaċità u meta huma neqsin mill-fuel, l-elettriku u l-ilma biex jaqdu l-ħteġiet bażiċi, b’riżultat tal-attakki tar-Russi. Il-WHO tiddefinixxi azzjonijiet militari kontra l-isptarijiet, il-provvisti mediċi u l-ambulanzi bħala kunċett ta’ vjolenza ‘premeditata’ kontra poplu.

Dan għaliex il-kmamar għall-maternità jeħtieġu l-inkubaturi, bil-banek tad-demm jeġtieġu r-refrigerators u bis-sodod għall-kura jirrikjedu l-ventilaturi – li kollha jibbażaw fuq il-provvisti tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-WHO qed tgħid li sa tliet miljun Ukren jistgħu jispiċċaw kostretti li jitilqu minn djarhom fi tfittxija ddisprata għas-sigurtà u l-mezzi li jipprovdulhom is-sħana.