Internazzjonali

Il-Kosovo: Kwistjoni perikoluża mas-Serbja dwar il-pjanċi tal-vetturi

 

L-Unjoni Ewropea u s-Serbja wissew dwar il-potenzjal ta’ vjolenza fil-Kosovo wara li taħditiet li saru bil-medjazzjoni tal-istess Unjoni ma rrisolvewx kwistjoni taħraq dwar il-pjanċi tan-numri tal-karozzi taċ-ċittadini Serbi residenti fil-Kosovo.

L-awtoritajiet fil-Kosovo iridu li l-minoranza etnika tas-Serbi twarrab għall-pjanċi tal-vetturi rreġistrati s-Serbja li ma tirrikonoxxix l-indipendenza tar-Repubblika tal-Kosovo. Intant, il-Prim Ministru tal-Kosovo, Albin Kurti, fl-aħħar sigħat, iddeċieda li jipposponi deadline għall-impożizzjoni tal-multi lis-Serbi fil-pajjiż li ma jibdlux il-pjanċi. Kurti qal ukoll li hu lest biex jaħdem mal-UE u l-Istati Uniti biex tinstab soluzzjoni.

Dan meta l-Pulizija fil-Kosovo kienu qed iħejju biex iwaħħlu l-multi ekwivalenti għal 150 ewro lis-sidien tal-karozzi bil-pjanċi li ħarġu mis-Serbja.

Il-Gvern fi Pristina qed jgħid li l-pjanċi tal-liċenzja li jmorru lura sa qabel il-gwerra tal-1999 għall-indipendenza tal-Kosovo mis-Serbja ma jistgħux jibqgħu kunsidrati bħala validi. L-istess Gvern qed jinsisti biex il-50,000 Serbi fil-parti ta’ fuq tal-Kosovo li qed jaċċettaw biss l-istituzzjonijiet lokali tas-Serbja, jaqilbu għall-pjanċi speċifiċi ta’ dan il-pajjiż – b’numru ta’ pulizija Serbi etniċi jirriżenjaw bi protesta għar-ruling ta’ Pristina.

Il-Kap responsabbli mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, qal li s-sigħat ta’ taħditiet naqsu milli jsolvu t-tilwima waqt li sostna li l-mexxejja tal-Kosovo u s-Serbja jridu jġorru responsabbiltà għal din is-sitwazzjoni u għal kwalunkwe eskalazzjoni ta’ vjolenza li kapaċi sseħħ.

Il-President tas-Serbja, Aleksandar Vucic, qal, sadanittant, li s-sitwazzjoni qed tidher qrib ta’ konflitt waqt li wissa dwar ‘infern sħiħ’ f’każ li l-pulizija fil-Kosovo jippruvaw jimponu l-multi lir-residenti Serbi-etniċi.