Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Ir-rebħa kontra l-Arġentina mhux l-uniku suċċess tal-kowċ Herve Renard

(Ritratt: EPA)

Forsi mhuxwiex kowċ daqsekk popolari anke minħabba l-fatt li ma’ mexxiex timijiet jew nazzjonijiet kbar tul il-karriera tiegħu iżda r-rebħa kontra l-Arġentina mhuwiex l-uniku suċċess tal-kowċ tal-Arabja Sawdija Herve Renard.

Filfatt Renard, li għandu 54 sena, fl-2012 mat-tim nazzjonali taż-Żambja rebaħ it-Tazza tal-Afrika meta fil-finali huma għelbu lill-Kosta tal-Ivorju bl-għoti tal-penalties. L-avversarju fil-finali kellu plejers stabbiliti bħal Didier Drogba, Yaya u Kolo Toure, Gervinho u Kalou. Biex waslu sal-finali, iż-Żambja ta’ Renard għelbu wkoll lill-Ghana li ukoll kellhom plejers stabbiliti bħal Asamoah, Muntari u Gyan.

L-istess suċċess Renard irrepetih tliet snin wara ironikament meta kien imexxi lill-Kosta tal-Ivorju meta fil-finali għelbu lill-Ghana bl-għoti tal-penalties. Huwa sar l-ewwel kowċ li rebaħ it-Tazza tal-Afrika ma’ żewġ nazzjonijiet differenti. Wara dan huwa mexxa wkoll lill-Marokk għal kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja Russja 2018 wara nuqqas ta’ għaxar snin. Il-Marokk kisbu biss punt fi Grupp B.

Fuq livell ta’ klabbs Renard ma tantx kiseb suċċessi hekk kif taħtu Sochaux sfaw relegati fl-istaġun 2013/14 filwaqt li ma’ Lille dam biss minn Mejju sa Novembru tal-2015.