Lokali

Is-sistema falliet u mara oħra li karrbet għall-għajnuna u l-protezzjoni kienet injorata

Is-sistema falliet u mara oħra li karrbet għall-għajnuna u l-protezzjoni kienet injorata.

Dan intqal fi stqarija li nħareġ mill-Partit Nazzjonalista mid-deputati Graziella Attard Previ u Claudette Buttigieg.

Min se jġorr ir-responsabbiltà ta’ sistema li falliet ma’ mara oħra li karbet għall-għajnuna u għall-protezzjoni, imma sabet min jinjoraha? Min se jsabbar lil uliedha u lill-familja tagħha quddiem il-gravità ta’ din l-inġustizzja tremenda?

Hu ċar li l-liġijiet waħedhom m’humiex biżejjed! Il-Gvern mitluf quddiem ir-realtajiet soċjali ta’ pajjiżna għax ma jridx jaċċetta li għandna kriżijiet soċjali kbar. Jimpurtah biss li jgħaddi messaġġ li kollox sabiħ u li mexjin fuq ir-rubini, imma din realtà falza li ħafna nies mhux qed jgħixuha.

Dik hi l-attitudni ta’ Gvern arroganti. L-Inkjesta trid tistabbilixxi fejn huma n-nuqqasijiet, fejn qed tfalli s-sistema u x’għandu jinbidel biex ma jibqax ikollna każijiet traġiċi bhal dak li seħħ illum.

Dan hu t-tielet każ ta’ femiċidju din is-sena u ma nistgħux inħallu li jkollna vittmi oħrajn li ma jsibux l-għajnuna meħtieġa mill-awtoritajiet.