Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Jack Grealish jiddedika l-gowl tiegħu liċ-ċkejken Finlay

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder Ingliż ta’ Manchester City Jack Grealish skorja s-sitt gowl tal-Ingilterra fir-rebħa ta’ 6-2 fuq l-Iran. Minkejja dan iċ-ċelebrazzjoni tiegħu ma kienitx waħda tas-soltu iżda wara l-partita kienu bosta dawk li faħħru lil Grealish għal din iċ-ċelebrazzjoni fuq il-media soċjali. Dan wara li kien żvelat li Grealish iddedika dak il-gowl liċ-ċkejken Finlay, partitarju ta’ Manchester City li jbati mill-kundizzjoni tac-cerebral palsy.

Ftit ġimgħat ilu Grealish iltaqa’ ma’ Finlay u wegħdu li kemm-il darba jiskurja matul it-Tazza tad-Dinja tal-Qatar hu kien se jkun qed jagħmel din iċ-ċelebrazzjoni, li urieh iċ-ċkejken Finlay. Wara dan il-ġest kienu bosta dawk li faħħru lil Grealish għal karattru tiegħu, minkejja li ħafna drabi il-media Ingliża tipprova tpinġieh differenti. Grealish kien fil-mira ta’ kritika minn diversi ġurnalisti matul l-aħħar xhur hekk kif ma rnexxielux jilħaq il-forma li wera ma’ Aston Villa fis-snin preċedenti.