Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Mellieħa Libertas jaqilbu r-riżultat fl-aħħar tlett minuti

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 78

BUPA Luxol 74

(18-26)(23-11)(15-25)(22-12)

Gżira Athleta fetħu t-tielet ġurnata tal-kampjonat Bank of Valletta b’rebħa fuq Bupa Luxol biex ħadu t-tieni rebħa tagħhom fil-kampjonat. Għal darb’oħra kien hemm wirja mill-aqwa tal-Amerikan Roland Griffen li għamel aktar minn nofs il-punti tagħhom. Il-partita setgħat marret fuq kull naħa u kull team kellhu mumenti li kien fuq quddiem sakemm waslet run deċisiva minn Athleta fl-aħħar minuti. Kienu Luxol li kellhom l-aħjar bidu meta bil-punti kontinwi tal-Amerikan Trevian Bell flimkien ma’ trippla ta’ Jean Paul Schembri marru 15-5 minn fuq. Għal xi ħin  iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma Athleta għamlu run qasira ta’ 8-2 bil-punti ta’ Griffen u Luca Stefanovic biex naqqsu d-distakk. Bell għamel trippla oħra għal Luxol li temmew l-ewwel sessjoni 26-18 minn fuq. Athleta fetħu tajjeb fit-tieni perjodu b’disa’ punti mingħajr risposta, kollha minn Griffen b’Duncan Fenech jagħjjat time-out biex iwaqqafhom. Għal xi ħin, Luxol irkupraw però ma setgħux iwaqqfu lil Griffen li kompla għaddej bil-punti kontinwi tiegħhu biex Athleta fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti qabel ma trippla ta’ Bell għalqet it-taqsima fuq skor ta’ 41-37 favur Athleta.

It-tielet taqsima fetħet b’aktar punti ta’ Griffen qabel ma Luxol għamlu run ta’ 10-0 bil-baskets ta’ Tayler Mattos u Stefan Cappello biex marru minn fuq. Schembri kompla jkabbrilhom il-vantaġġ b’żewġ trippli qabel ma Jalen King u Griffen wieġbu għall-Athleta. Luxol żammew il-vantaġġ sa’ tmiem it-taqsima b’ħames punti oħra għal skor ta’ 62-56. Fl-aħħar sessjoni punti minn Mattos u Nikola Vasovic ħallew lil Luxol fuq quddiem minkejja trippla ta’ Nathan Xuereb għall-Athleta. Bill-vjola 72-65 minn fuq, Athleta għamlu rimonta finali fejn Xuereb u Griffen kellhom 8 punti mingħajr risposta biex poġġewhom fuq quddiem. Bell għamel l-aħħar punti tal-Luxol biex Athleta għalqu l-partita bil-punti ta’ King u basket kruċjali ta’ Francesco Mifsud Bonnici u ħarġu rebbieħa 78-74.

Gżira Athleta: J. King 16, F. Mifsud Bonnici 2, N. Buhagiar, L. Stefanovic 3, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 12, R. Griffin 45, I. Xuereb, S. Vincic, R. Abela, B. Zammit.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 5, M. Sciberras, T. Bell 28, JP Schembri 9, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 28, M. Matijevic, S. Cappello 4.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu

Depiro 76

Starlites FIJO 83

(16-16)(19-28)(17-18)(24-21)

Starlites FIJO żammew posthom f’ras il-klassifika bit-tielet rebħa minn tlett partiti għalkemm Depiro offrew sfida denja u baqgħu viċin sat-tmiem il-parita għalkemm kellhom lill-Amerikan Cameron Cornelius b’wirja inqas posittiva mis-soltu. Starlites kienu mingħajr Alec Felice Pace u tilfu b’inujry serja lil Kurt Xuereb fit-tielet taqsima u nawgurawlu fejqan ta’ malajr. Kienu Depiro li bdew l-aħjar meta għamlu l-ewwel tmien punti tal-partita fosthom trippla ta’ Sean Galea. Starlites bdew jirrispondu permezz tal-Amerikani Jordan Notch u Darius George flimkien ma’ żewġ trippli ta’ Matthew Attard f’run ta’ 16-4. Depiro għamlu l-aħħar punti tas-sessjoni minn Andrew Aquilina u Kameron Rooks għal parita ta’ 16-16. Fit-tieni perjodu, Depiro kellhom żewġ trippli minn Aquilina u Galea biex reġgħu marru fuq quddiem iżda Starlites ukoll kellhom tlett trippli konsekuttivi minn George u Ian Felice Pace biex fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 27-22. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn seba’ punti minn Miguel Brincat, Rooks u Aquilina qabel ma Starlites komplew b’run ta’ 11-2 u daħlu jistrieħu 44-35 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites fetħu vantaġġ ta’ 15 -il punt wara li fost l-oħrajn kellom żewġ trippli minn Ian Felice Pace u Miguel Fabri hekk kif għal Depiro kien Rooks l-aktar li għamel punti. Fl-aħħar ħinijiet tat-taqsima kien hemm trippla ta’ Aquilina flimkien mal-punti ta’ Rooks u Cornelius għal skor ta’ 52-62. Fl-aħħar perjodu kien hemm run oħra ta’ 10-2 minn Starlites bit-trippli ta’ Felice Pace u Attard. Depiro reġgħu waslu sa’ disa’ punti l-punti minn taħt qabel ma Starlites għamlu seba’ punti oħra biex ħadu vantaġġ ta’ 16 -il punt 79-63. L-aħħar sforz ta’ Depiro ssarraf f’run ta’ 13-2 fosthom trippli minn Cornelius u Nicholas Grech però l-vantaġġ ta’ Starlites kien wieħed komdu u ħarġu rebbieħa 83-76.


Depiro:
J. Flagel, S. Galea 14, B. Nel, D. Camilleri, A. Aquilina 12, N. Grech 6, K. Rooks 31, M. Brincat 4, M. Mallia, C. Cornelius 9, M. Debattista, J. Micallef.

Starlites FIJO: M. Attard 9, I. Felice Pace 10, M. Fabri 7, L. Riolo, M. Scerri 3, R. Carabott, L. Farrugia, K. Xuereb 4, N. Sultana, D. George 26, J. Notch 24.

Referees: Daniella Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono

Mellieħa Libertas Spalding 91

Hibernians 83

(19-22)(22-29)(17-19)(33-13)

Din il-partita ħadet svolta totalment differenti fl-aħħar tlett minuti fejn b’mod stupend, Mellieħa Libertas dawwru żvantaġġ ta’ 10’ punti f’rebħa ta’ 8 punti. Hibs għandhom għalfejn iħossuhom sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta minn din il-partita għalkemm fl-opinjoni tiegħi, Ivan Demcesen tħalla wisq fuq il-bank fir-raba’ taqsima. Mellieħa kienu mmexxija mill-Amerikan Connor Ziniach li spiċċa l-aħjar skorer ta’ tmiem il-ġimgħa b’47 punt, 2 inqas minn Griffen tall-Athleta ġurnata qabel. Ir-ritorn tal-players stabbiliti ta dimensjoni differenti lit-team ta’ Silvio Cassar u b’wirjiet bħal ma kellhom sas-37 minuta għad jistgħu jgħidu tagħhom ukoll. Wara l-ewwel żewġ baskets minn Demcesen għal Hibs, Mellieħa wieġbu bit-tmien punti mingħajr risposta mibdija bi trippla ta’ Robert Bonnici. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet bi brek sabiħ ta’ 13-0 fosthom trippla ta’ Justin Bogle però Mellieħa malajr għamlu l-iskor indaqs b’disa’ punti mingħajr risposta. Punti ta’ Peter Shoults lejn tmiem is-sessjoni ħallew lill-Pawlisti fuq quddiem 22-19. Fit-tieni perjodu kien hemm trippla oħra ta’ Bogle u għalkemm Mellieħa wkoll kellhom it-three pointers minn Bonnici u Nikola Jovanovic, sa’ nofs is-sessjoni Hibs kienu għadhom 9 minn fuq 38-29. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat fosthom trippla oħra ta’ Bogle għal Hibs u punti minn Bonnici u Ziniach għal Mellieħa però kienu Hibs li daħlu jistrieħu 10 minn fuq 51-41.

Fit-tielet sessjoni, l-andament tal-partita baqa’ l-istess biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin biex Hibs baqgħu fuq quddiem 62-51. Mellieħa kellhom il-punti minn Vukassin Jandric biex reġgħu resqu viċin però punti minn Bogle raw lil Hibs itemmu t-taqsima 70-58 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, kien hemm risposta minn Mellieħa permezz ta’ Ziniach u David Bugeja però Hibs dejjem irnexxielhom jirrispondu biex sas-seba’ minuta kienu għadhom 10 minn fuq 81-71. Hawn Mellieħa għamlu dak li ftit basru meta għamlu run ta’ 20-2 b’Ziniach protagonist assolut fosthom b’żewġ trippli flimkien ma’ Jandric u Bonnici biex huma ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 91-83.

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon 2, D. Bugeja 9, R. Bonnici 15, V. Jandric 11, I. Bonett 2, N. Bukva, N. Jovanovic 3, C. Ziniach 47, M. Formosa.

Hibernians: N. Cassar 2, P. Attard, L. Borg, L. Farrugia 10, G. Cassar, A. Axiaq 7, M. Fall, R. Aquilina, M. Attard, J. Bogle 28, I. Demcesen 30, P. Shoults 6.

Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Vladimir Nikolic