ARĠENTINA………………..1
ARABJA SAWDIJA………..2
L-Arabja Sawdija għamlu dak mhux mistenni u dawwru telfa f’rebħa meta fil-Lusail Iconic Stadium għelbu lill-Arġentina 2-1. Għalkemm l-Arġentini kellhom il-pusses tal-ballun għall-maġġor parti tal-logħba, l-avversarji għarfu jżommu l-vantaġġ li kisbu fit-tieni taqsima biex kisbu rebħa importanti.
Wara biss żewġ minuti ċans tajjeb għal Messi b’xutt minn tarf il-kaxxa li kien milqugħ b’diffikultà mill-goalkeeper Mohammed Al Owais qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Fit-8 minuta l-Arġentini jingħataw penalty wara li r-referee Slavko Vincic ikkonsulta mal-VAR u ddeċieda li Paredes kien miżmum b’mod irregolari minn Saud Abdulhamid waqt korner. Mill-11-il metru kien is-solitu Lionel Messi li tefa’ lil goalkeeper naħa u l-ballun in-naħa l-oħra.
L-Albiceleste ħasbu li kienu għamluhom tnejn fis-27 minuta meta Lautaro Martinez b’eleganza għeleb lil Al Owais wara pass ta’ Papu Gomez iżda għal darb’ oħra reġgħet kienet il-VAR li ħassret il-gowl għal pożizzjoni ta’ offside. Minkejja li l-pussess tal-ballun kien fil-maġġor parti f’saqajn l-Arġentini l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima ma nbidilx bit-tim immexxi minn Lionel Scaloni jidħol jistrieħ 1-0 minn fuq.
Bidu mill-aqwa fit-tieni taqsima għall-Arabja Sawdija hekk kif wara biss tliet minuti kisbu l-gowl tad-draw meta Slaeh Al Sheri rċieva mingħand Salman Al Faraj u minkejja li kien issikkat minn Romero b’xutt fil-baxx għeleb lil Martinez biex ġab l-iskor indaqs. Għaddew biss ħames minuti u s-Sawdi marru inkredibilment minn fuq. Kienet azzjoni peronali ta’ Salem Al Dawsari li qabeż żewġ plejers u minn tarf il-kaxxa b’xutt mill-isbaħ tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Martinez.
Fit-63 minuta Al Owais żamm lit-tim tiegħu fil-vantaġġ meta wettaq save mill-isbaħ fuq Tagliafico mill-viċin. L-Arġentini kif kien mistenni tefgħu kollox fuq l-offensiva u fl-84 minuta daqqa ta’ ras ta’ Messi mill-viċin kienet newtralizzata minn Al Owais. Fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud l-Arġentini għal darb’ oħra viċin il-gowl tad-draw meta x-xutt ta’ De Paul kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Abdulelah Alamri. Minkejja l-attakki tal-Arġentini l-iskor baqa’ ma nbidilx u l-Arabja Sawdija wettqu l-ewwel diżappunt f’din it-Tazza tad-Dinja b’rebħa importanti fl-ewwel logħba ta’ Grupp C.
//= $special ?>