Internazzjonali

L-Indoneżja: Ħafna tfal fost il-vittmi tat-terremot…bil-mejtin jaqbżu l-270

L-Indoneżja: Ħafna tfal fost il-vittmi tat-terremot

Il-vittmi tat-terremot li fl-aħħar sigħat laqat lill-gżira ta’ Java jinkludu ammont sinifikanti ta’ tfal, bl-awtoritajiet lokali jikkonfermaw li ċ-ċifra tal-mewt mit-theżżiża qabżet il-270.

Dan waqt li ndarbu ‘il fuq minn 1,000 b’konsegwenza tat-terremot, bl-awtoritajiet għall-emerġenzi jsostnu li madwar 200 oħra kienu għadhom neqsin.

It-terremot – li mmarka 6 fuq l-Iskala Richter – ikkaġuna l-ħsarat f’22,000 dar, bi djar oħra jikkrollaw fil-ħin eżatt tat-theżżiża. Ir-riżultat ta’ dan kien li madwar 60,000 spiċċaw kostretti li jfittxu l-kenn qalb il-lokalitajiet fir-reġjun.

It-terremot anki kkaġuna l-valangi tal-art li koprew villaġġi sħaħ bit-tajn u l-ġebel fil-belt ta’ Cianjur – b’ħafna vittmi jispiċċaw mgħaffġin taħt it-tifrik ta’ djarhom. Waqt li hemm ukoll diversi żgħażagħ fost il-mejtin, mifhum li l-parti kbira tal-vittmi huma tfal li kienu għadhom qed jattendu l-iskola fil-ħin tat-terremot u li spiċċaw ukoll taħt it-terrapien fost il-kroll tal-bini.