Lokali

Lejliet id-delitt, il-vittma kienet għamlet rapport fid-Depot minħabba vjolenza domestika

“L-awtoritajiet fallew”.

Hekk stqarret oht il-vittma, Alessia Cilia, meta fuq Facebook żvelat kif oħtha kien inkwetata ferm għas-sigurtà tagħha u tat-tfal tagħha. Dan filwaqt li iz-zija tagħha, Sylvana, spjegat kif din il-ħolma kerha kienet ilha għaddejja sitt xhur. U ħadd ma ħa azzjoni.

Fil-fatt, sorsi ta’ Net News ikkonfermaw li Bernice Cassar kienet ilha sitt xhur sħaħ tirrapporta lir-raġel tagħha minħabba vjolenza domestika. Dan meta l-koppja kienet għaddejja minn separazzjoni.

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma wkoll li sa 24 siegħa qabel id-delitt, Bernice Cassar kienet irrappurtat lir-raġel fid-Depot stess. Iżda ħadd ma jaf x’azzjonijiet ittieħdu.

Oħt il-vittma insistiet li Cassar litteralment bkiet għall-għajnuna. Kienet imbeżża’. U kellha dwejjaq kbar minħabba li l-Milied kien qrib, u hi kienet għadha għaddejja b’dan l-inkwiet fiż-żwieġ tagħha.

Intant, il-President Emetiru Marie Louise Coleiro Preca f’kummenti li għaddiet fuq il-mezzi soċjali stqarret bla tlaqliq li l-liġi l-ġdid kontra l-femmiċidju mhix biżejjed. U insistiet fuq il-bzonn li naghmlu revizjoni shiha tal-ligijiet, biex bhala pajjiż nassiguraw li meta jsir rapport lill-Pulizja jittiehdu l-passi kollha mehtiega biex nharsu l-hajja tal-mara.