Internazzjonali

Lejn il-Eurovision 2023: L-ebda votazzjoni mill-ġurija fis-semi-finali

Id-diriġenti tal-Eurovision Song Contest ħabbru l-bidliet kbar fil-proċess għall-votazzjoni waqt il-konkors tal-kanzunetta tas-sena d-dieħla li se jsir f’Liverpool, fl-Ingilterra. Fil-fatt, il-ġurijiet professjonali mhumiex se jintużaw għal waqt is-semi finali, li jfisser li s-segwaċi u t-telespettaturi biss se jagħżlu lil min jikkwalifika għall-finali ta’ dan il-konkors.

Novità oħra se tinvolvi lill-pajjiżi li mhumiex se jikkompetu fil-konkors u li se jkunu jistgħu jivvutaw għar-rebbieħ għall-ewwel darba.

Ir-riforma qed issir wara li sar magħruf li sitt ġurijiet kienu involuti ‘fi skambju tal-voti’ waqt il-konkors tal-Eurovision ta’ din is-sena f’Turin (fl-Italja).

Fil-fatt – u skont il-European Broadcasting Union (EBU)  li jorganizza l-konkors —  kienu indikati sistemi tal-voti irregolari mill-Ażerbajġan, Georgia, il-Montenegro, il-Polonja, ir-Rumanija u San Marino. Dawn il-voti tal-ġuriji, intant, kienu twarrbu u spiċċaw issostitwiti minn punteġġ fuq sistema ta’ aggregate ikkalkulat fuq ir-riżultati ta’ pajjiżi oħra b’rekords tal-votazzjoni simili.

Il-Eurovision ta’ din is-sena intrebaħ mill-Kalush Orchestra tal-Ukrajna, bil-kantant tar-Renju Unit Sam Ryder jispiċċa fit-tieni post.