Lokali Parlament

Maġistrat wieħed b’1,429 każ ta’ vjolenza domestika pendenti; jeħtieġ maġistrat ieħor b’mod immedjat

Is-sitwazzjoni tal-każi ta’ vjolenza domestika li jitressqu l-qorti hi waħda problematika fejn hemm biss Maġistrat waħda li quddiemha għandha 1,429 każ.

Dan irriżulta fil-ħin tal-mistoqsijiet tal-parlament meta l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kien mistoqsi diversi mistoqsijiet wara l-qtil ta’ mara f’Kordin dalgħodu.

Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Claudtette Buttigieg, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li l-Pulizija bħalissa qed jiċċirkondaw persuna f’dar privata li possibbilment jista’ jkun l-aggressur tal-til ta’ filgħodu. Bħalissa qed isir negozjar mill-pulizija u minn persuna li jafu lil din il-persuna li jinsab imsakkar f’din id-dar.

Il-persuna hu armat u s-sitwazzjoni għadha perikoluża għax l-arma ma nstabitx fil-karozza u għalhekk il-pulizija qed taħseb li din hi l-arma li ntużat fid-delitt.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li bħas-soċjetà kollha, hu jinsab imweġġa’; soċjetà fejn żewġ tfal bħalissa għaddejjin minn uġigħ kbir. Hu qal li flimkien mal-Ministru tal-Ġustizzja mill-ewwel riedu jaraw li l-informazzjoni tinġabar kollha u sħiħa u tkun mgħarbla biex ikun stabbilit jekk xi entità naqset.

Il-Ministru tal-Intern qal li inħatar l-Imħallef Valencia biex issir inkjesta u jekk jirriżulta li kien hemm nuqqas dan ikun komunikat lil kulħadd inkluż lis-soċjetà biex jttieħdu d-deċiżjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet jekk il-gvern għamilx id-diskussjonijiet meħtieġa biex ma jkunx hawn Maġistrat waħda biss relata mal-vjolenza domestika.

Il-Ministru Camilleri qal li kien ta perjodu bi żmien ċar wara li tkun pubblikata l-inkjesta tal-Imħallef Valencia biex ma jkunx hemm dubju dwar dak li ġara.

In-numru ta’ każi ta’ vjolenza domestika, inkluż prosekuzzjonijiet huma kbar, sostna l-Ministru Camilleri, li kompla li meta jsiru r-rapporti għandhom jittieħdu l-passi. Kien għalhekk li nħatret inkjesta immedjata biex il-pajjiż ma jonqos lil ħadd, sostna l-Ministru Camilleri.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella biex il-Gvern jippubblika t-termini tal-inkjesta, biex l-konklużjoni tkun pubblika u jekk sarux diskussjonijiet dwar il-problema kbira ta’ Maġistrat wieħed biss li għandha quddiemha 1,429 każ ta’ vjolenza domestika. Hu appella biex wieħed mill-Maġistrati ġodda li se jinħatru jkun allokat għal dawn il-każi.

Il-Ministru Camilleri wieġeb li se jippubblika t-termini u l-konklużjonijiet tal-inkjesta li qed issir u qal li nħarġet sejħa għal Maġistrari u Imħallfin ġodda fejn ix-xewqa tal-gvern hi li jkun hemm iktar riżorsi.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Maġistrat li titratta l-każi ta’ vjolenza domestika qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex tlaħħaq mal-każi iżda inutli li l-pulizija tressaq il-każi jekk ikun hemm dewmien ta’ sena u nofs u iktar biex il-każi jitressqu l-Qorti. Hu sostna li l-għandu jinħatar Maġistrat ieħor b’mod immedjat.