Lokali Qorti

Paul Sheehan – l-eks xufier ta’ Manwel Mallia li kien spara fuq Skoċċiż irid lura l-pensjoni tas-servizz

Paul Sheehan, eks uffiċjal tal-pulizija li kien spara b’mod infami fuq sewwieq mhux armat wara inċident minuri tat-traffiku, qed jgħid li saret diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu wara li ma baqx eleġibbli biex jieħu l-pensjoni tas-servizz tiegħu.

L-eks-Kuntistabbli tal-Pulizija Paul Sheehan, li kien ix-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia kien għadda proċeduri fil-Qorti b’rabta tal-każ tal-attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż Stephen Smith meta fid-direzzjoni tal-karozza tiegħu fil-Gżira nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014, sparalu żewġ tiri ta’ arma tan-nar. L-akkuża ta’ attentat ta’ qtil kien waqqagħha l-Avukat Ġenerali.

Sheehan kien ingħata sentenza ta’ 22 xahar ħabs sospiżi għal tliet sninwar li nstab ħati li spara lejn raġel li laqat il-karozza tal-Ministru Manwel Mallia. Mill-provi rriżulta li Stephen Smith kien xurban, baqa’ dieħel bil-vettura f’dik tal-Ministru u baqa’ sejjer. Sheehan li ra lil Smith jaħrab minn fuq il-post ġera’ warajh bil-karozza u spara żewġ tiri fid-direzzjoni tiegħu qabel dan waqaf.

Il-qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello kienet ikkonkludiet li għalkemm Sheehan kellu jhedd li jwiddeb lil Smith biex ma jitlaqx minn fuq il-post ma kellux juża forza esaġerata. F’rikors ippreżentat mill-avukat Edward Gatt quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, Sheehan jargumenta li kien illiberat mill-“maġġoranza” tal-akkużi miġjuba kontrih u l-aktar instab ħati ta’ kontravenzjonijiet.

Huwa kien iffaċċja proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, wara li l-Kummissarju tal-Pulizija “uża d-diskrezzjoni arbitrarja tiegħu” biex jirrifjuta r-riżenja ta’ Sheehan. Filwaqt li jiddeskrivi r-reati li kien instab ħati bihom bħala “trivjali,” l-avukat ta’ Sheehan qed isostni li l-klijent tiegħu kien ġie diskriminat, u argumenta li f’ħafna każijiet oħra, uffiċjali tal-gvern kienu ġew ittrattati b’mod differenti.

Jargumenta wkoll li Sheehan ġie mċaħħad mill-pensjoni tas-servizz, minkejja li dejjem kellu l-kontribuzzjonijiet relattivi mnaqqsa mis-salarju tiegħu. Dan kien qed jikkawżalu ksur serju tad-dritt Kostituzzjonali tiegħu għall-proprjetà, qal, filwaqt li żied li l-ittri varji tiegħu lill-akkużati jew ma ġewx imwieġba jew miċħuda.

Sheehan sar isem sinonimu fin-negattiv fl-2014 wara li spara tiri mmirati lejn vettura ċivili li naqset li tieqaf wara li kienet intlaqtet il-mera tal-ġemb tal-karozza uffiċjali tal-Ministru . Fiż-żmien tar-reat, Sheehan kien ix-xufier uffiċjali tal-pulizija għal Manuel Mallia, il-Ministru tal-Intern dak iż-żmien.

F’Ġunju 2020, Sheehan, kien instab ħati li spara fuq karozza oħra f’Novembru 2014, inċident li wassal għar-riżenja ta’ Mallia. Fis-sentenza mogħtija f’dik il-kawża, il-Maġistrat Rachel Montebello Sheehan iddeċidiet li ma kien hemm “l-ebda biċċa evidenza” li turi li t-tiri kienu ġew sparati b’difiża personali jew minħabba neċessità.

Madankollu, dik il-qorti kienet innotat li għalkemm Sheehan kien oriġinarjament akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil, dik l-akkuża aktar tard twaqqgħet mill-Avukat Ġenerali. Is-sentenza sospiża ta’ 22 xahar li ngħatat wara kienet tnaqqset fl-appell għal 15-il xahar, sospiżi għal tliet snin. Ġiet revokata wkoll l-ordni biex jiġu kkonfiskati l-arma tan-nar u l-munizzjon fil-pussess ta’ Sheehan.