Lokali

AĠĠORNATA: Mara maqtula fi sparatura fiz-zona ta’ Kordin – sal-bieraħ stess kienet għamlet rapport lill-Pulizija

Mhux eskluż li dan kien każ li beda wara diversi rapporti ta' vjolenza domestika

Persuna inqatlet u raġel jinsab maħrub wara sparatura li seħħet fiz-Zona Industrijali ta’ Kordin.

Net News jista’ jikkonferma li l-Pulizija bħalissa għaddejja bi tfittxija għall-aggressur u l-karozza li allegatament intużat f’din l-isparatura. Bis-sorsi tagħna jindikaw illi l-vittma hija mara. Fil-fatt, mhux eskluż li dan seta’ kien każ ta’ vjolenza domestika li eskala fl-aħħar jiem.

Dan is-sit jista’ jikkonferma li sal-bieraħ stess, il-vittma kienet għamlet rapport lill-Pulizija dwar l-allegat abbuż li kienet qed tirċievi.

Kollox beda kmieni dalgħodu, meta daħlet telefonata fid-Depot li kien seħħ inċident biswit il-Moskea ta’ Raħal Ġdid, ħdejn l-MCAST. B’rapporti jindikaw li instemgħu ukoll xi sparaturi.

Fil-post waslu uffiċjali tal-RIU, ambulanza kif ukoll Pulizija tad-Distrett.

Sorsi oħra ikkonfermaw ma’ Net News li l-vettur tar-raġel kienet ilha ipparkjata fiz-zona aktar minn kwarta qabel seħħ il-qtil. Jidher ukoll li ġie sparat aktar minn tir wieħed.