Lokali

Skeda speċjali għat-trasport pubbliku għall-Festival tal-Ktieb 2022

B’aktar minn 40,000 viżitatur mistennija jattendu il-Festival tal-Ktieb 2022, il- Malta Public Transport qed tħabbar servizz speċjali li se jkun qed jopera minn u lejn il-Malta Fairs & Conventions Centre f’Ta’ Qali bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru. Il-festival li huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa ċ-ċelebrazzjoni prinċipali tal-kotba fil-kalendarju nazzjonali kulturali fejnwieħed jiltaqa’ ma’ tnedijiet ta’ kotba, awturi lokali u internazzjonali mistiedna, seminars u wirjiet ta’ films fost attivitajiet interessanti oħrajn.


Biex l-ivvjaġġar minn u lejn il-festival ikun aktar faċli, it-trasport pubbliku se jopera servizz speċjali mit-Terminus Bay A1 fil-Belt Valletta skond din l-iskeda: fit-23 u l-24 ta’ Novembru, il-karozza tal-linja titlaq mill-Belt Valletta fil-16:50, fis-17:50, fis-18:50 u fit-19:50. It-tluq mill-MFCC se jkun fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50 u fid-21:10.


Il-ġurnata ta’ wara, nhar il-25 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta huwa skedat fil-16:50, fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50 u fid-20:50. Intant, it-tluq mill-MFCC huwa skedat fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50, fid-20:50 u fil-22:10.


Fis-26 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta se jkun kull siegħa bl-ewwel karozza tal-linja titlaq fid-09:15 u bl- aħħar waħda skedata li titlaq fid-21:15. Similarment, it-tluq mill-MFCC se jkun ukoll kull siegħa, bl-ewwel karozza skedata li titlaq fl-10:15 u l-aħħar vjaġġ fl-22:15.


Fl-aħħar jum tal-festival, nhar is-27 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta se jkun qed isir kull siegħa, bl- ewwel vjaġġ fid-09:15 u l-aħħar vjaġġ lejn l-MFCC jitlaq fis-19:15. Intant, it-tluq mill-MFCC għall-Belt Valletta se jkun ukoll kull siegħa bl-ewwel vjaġġ isir fl-10:15 u l-aħħar wieħed fit-20:15.


Il-Malta Public Transport tixtieq tfakkar lill-pubbliku li s-Servizzi Speċjali kollha, inkluż it-trasport speċjali għall-Festival tal-Ktieb ta’ din is-sena, huma inklużi fl-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn. Biex tibbenefika minn trasport pubbliku b’xejn, il-passiġġiera jridu jkollhom fil-pussess tagħhom Tallinja Card personalizzata u valida. Kull darba li jitilgħu fuq karozza tal-linja, il-passiġġiera jridu jużaw it-Tallinja Card mal-magna tal-biljetti. Passiġġiera li ma jkollhomx it-Tallinja Card iridu jixtru biljett abbord il-karozza tal-linja.


Għal aktar informazzjoni, żur https://www.publictransport.com.mt/.