Lokali

2022: 7 omiċidji, tnejn minnhom każi ta’ vjolenza domestika

Huma sebgħa l-każi ta’ persuni li din is-sena nqatlu kiesaħ u biered. 7 familji li ma kellhomx iċ-ċans iselmu lil qrabathom għall-aħħar darba.

Fost is-7 vittmi ta’ omiċidju s’issa fl-2022, 4 kienu rġiel u 3 nisa. Dan filwaqt li 4 huma ta’ nazzjonalità barranija, filwaqt li 3 minnhom huma Maltin – fosthom żewġ nisa, li lkoll qed jitqiesu bħala vittmi ta’ vjolenza domestika.

L-ewwel qtil seħħ fl-ewwel lejl tas-sena l-ġdida; omiċidju li ħasad pajjiż.

Id-delitt tal-Pollakka Paulina Dembska, tfajla ta’ 29 sena li nqatlet b’mod brutali fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema biż-żagħżugħ ta’ 20 sena miż-Żejtun, Abner Aquilina għadu għaddej bi proċeduri fil-Qorti b’rabta mal-każ.

26 ta’ Frar: omm ta’ tlett itfal Rita Ellul mill-Iklin nqatlet fgata fis-sodda tagħha f’Għajnsielem, Għawdex – bir-raġel tagħha, Lawrence Abina, ta’ 30 sena mill-Ghana akkużat bil-qtil tal-mara. Kien huwa stess li rrapporta lill-Pulizija bil-każ hekk kif prova jagħti x’jifhem li mietet mewta naturali. Madanakollu dan ma kienx il-każ. Ellul kienet l-ewwel fatalità ta’ vjolenza domestika għal din is-sena.

4 ta’ April: jinstab f’bagoll ta’ karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni .. li eventwalment ġie identifikat bħala Mario Farrugia, xufier tat-taxi ta’ 62 sena minn Pembroke li kien rappurtat nieqes fit-28 ta’ Marzu. Minn eżamijiet forensiċi rriżulta li r-raġel inqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

B’rabta mal-każ il-Pulizija arrestat lil Elliot Paul Busuttil, raġel ta’ 38 sena li diġà kien tressaq il-Qorti sentejn qabel akkużat b’attentat ta’ omiċidju.

Dan kien l-unika każ s’issa din is-sena fejn inqatel raġel Malti.

7 ta’ Mejju: s-Sibt filgħaxija..lura fil-gżira Għawdxija – jinqatel b’daqqiet ta’ sikkina waqt argument f’Marsalforn iż-żagħżugħ Sirjan ta’ 25 sena Faważ Najem. Akkużat bil-qtil tiegħu tressaq il-Qorti Sirjan ta’ 24 sena, Maher Aljasem.

17 ta’ Ġunju: f’Buġibba, jinqatel barra ħanut tax-xorb, f’ċirukstanzi li għad iridu jiġu stabbiliti mill-Qorti Roger Dudley Ward, raġel ta’ 60 sena. B’rabta mal-każ kien arrestat u akkużat sid l-istabbiliment David Busuttil ta’ 59 sena.

24 ta’ Lulju: il-Ħadd waranofsinhar jinqatel Eġizzjan ta’ 21 sena wara argument ma Sudaniż. L-aggressur Ali Saeed ta’ 28 sena kien ipprova jaħrab minn fuq il-post. Madanakollu, hu kien miżmum mill-persuni preżenti f’dak il-waqt. Huwa kien akkużat li qatel lill-vittma permezz ta’ 4 daqqiet ta’ sikkina.

Is-seba’ vitma ta’ omicidju kienet Bernice Cassar; il-mara ta’ 40 sena, omm ta’ żewġt itfal li t-Tlieta filgħodu nqatlet brutalment permezz ta’ żewġ tiri ta’ senter f’Kordin.

7 vittmi. 7 familji imkissra. 7 każi li jibqgħu ġerħa fis-soċjetà tagħna.