Lokali

“Bidliet kbar istituzzjonali u fis-soċjetà huma meħtieġa għall-ġlieda kontra l-femiċidju” – NCPE

“Il-femiċidju brutali ta’ Bernice Cassar, allegatament minn żewġha, huwa tfakkira qawwija li s-soċjetà u l-istituzzjonijiet tagħna għandhom triq twila quddiemhom biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pjaga tal-vjolenza kontra n-nisa.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tan-National Commission for the Promotion of Equality (NCPE) wara l-qtil ta’ Bernice Cassar.

NCPE kompliet li Bernice Cassar ressqet diversi rapporti ta’ vjolenza domestika kontra żewġha sa ġurnata qabel il-qtil tagħha. Kienet ċara li kienet qiegħda tibża’ għas-sigurtà tagħha u għas-sigurtà ta’ wliedha u għamlet dak kollu li setgħet biex iżżomm lilha nnfisha u lil uliedha siguri.

Qalu li huwa ta’ niket kif ukoll allarmanti li, minkejja l-azzjonijiet kollha tagħha, Bernice Cassar inqatlet kiesaħ u biered fid-dawl tax-xemx. Is-sistema falliet lilha kif ukoll lin-nisa l-oħra kollha li l-esperjenzi tagħhom ta’ vjolenza u abbuż għadhom jiġu minimizzati jew miċħuda. Minkejja l-avvanzi legali notevoli li jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa, l-appoġġ soċjali, l-infurzar tal-liġi u s-sistemi ġudizzjarji, għadhom ferm ‘il bogħod milli jipproteġu b’mod adegwat lin-nisa mill-aggressuri li jwettqu vjolenza fuqhom.

NCPE qalet li għandu jiġi enfasizzat li l-femiċidju huwa t-tarf estrem tal-firxa tal-vjolenza li toriġina minn soċjetà patrijarkali fejn xi rġiel iħossuhom intitolati li jeżerċitaw poter u kontroll fuq in-nisa. Pereżempju, ta’ spiss naraw, anka f’fora pubbliċi, mikro-aggressjonijiet sessisti, insulti u tentattivi t’umiljazzjoni tan-nisa, speċjalment ta’ dawk in-nisa li ma jsegwux l-isterjotipi tradizzjonali tal-ġeneru. Filwaqt li l-bidla istituzzjonali hija importanti ħafna, il-bidla fis-soċjetà hija wkoll essenzjali sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-vjolenza kontra n-nisa. Diskors politiku u pubbliku b’saħħtu li jappoġġja d-drittijiet tan-nisa jista’ jkun katalist biex din il-bidla sseħħ.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-ġustizzja għal Bernice Cassar u għall-vittmi l-oħra kollha tal-femiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa tinkiseb tassew biss meta l-istrutturi soċjali u istituzzjonali tagħna jibdew japprezzaw u jirrispettaw in-nisa u l-esperjenzi tagħhom b’mod ugwali.

Il-Kummissjoni tinnota li kontinwament in-nisa qegħdin jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-vjolenza tas-sieħeb intimu, inkluż il-femiċidju, mingħajr suċċess.