Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Draw ġust bejn il-Marokk u l-Kroazja

(Ritratt: EPA)

MAROKK………….0

KROAZJA…………0

Draw ieħor ta’ mingħajr gowls, din id-darba minn Grupp F bejn il-Marokk u l-Kroazja. Il-Kroati kellhom il-maġġoranza tal-pusses tal-ballun iżda l-logħob kien maqsum u wieħed jista’ jgħid li dan kien riżultat ġust anke minħabba li ftit kienu x-xuttijiet lejn il-lasti ta’ Bono u Livakovic.

Fis-17-il minuta Ivan Perisic prova xutt minn barra l-kaxxa wara żball difensif mill-Marokk bil-ballun jgħaddi ftit barra. Mnuta wara Ziyech għall-Marokk jitfa’ kross insidjuż fil-kaxxa iżda għal ftit Boufal ma laqax il-ballun bir-ras.

Il-Kroati kellhom żewġ xuttijiet fil-ħin miżjud fejn l-ewwel kien Vlasic li ra x-xutt tiegħu milqugħ minn Bono biex eżatt wara Luka Modric jipprova minn tarf il-kaxxa iżda l-ballun għadda għoli biex l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Il-logħob baqa maqsum fit-tieni taqsima u l-ewwel azzjoni waslet fil-51 minuta mill-Marokk meta Mazraoui bir-ras impenja lil Livakovic li kellu jilqa b’diffikultà.

Fil-65 minuta Hakimi prova xutt ċentrali li iżda Livakovic laqa’ faċilment. Fit-73 minuta Luka Modric b’korner perikoluż li Bono tajjar parzjalment bil-ballun jaqa quddiem Dejan Lovren li fil-mument li kien se jikkonkludi lejn il-lasti kien interċettat mid-difiża li tajret il-periklu. L-iskor sat-tmiem baqa’ dak ta’ draw ta’ mingħajr gowls.