Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Ġappun idawru telfa f’rebħa u jegħlbu lill-Ġermanja

(Ritratt: EPA)

F’sorpriża oħra din id-darba minn Grupp E, il-Ġappun dawru telfa f’rebħa biex fil-Khalifa International Stadium għelbu lill-Ġermanja 2-1.

Sbatax-il minuta logħob u Rudiger imur viċin b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Kimmich li għaddiet ftit barra. Erba’ minuti wara Kimmich b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa, Gonda jilqa’ tajjeb. Man-nofs siegħa logħob kross ta’ Raum, Gonda jtajjar parzjalment, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Gundogan li jipprova x-xutt iżda jkun blukkat mid-difiża.

Il-Ġermanja jingħataw penalty fit-32 minuta wara li l-goalkeeper Ġappuniż waqqa’ lil Raum fil-kaxxa. Mill11-il metru kien Ikay Gungogan li ma’ żbaljax biex tefa’ lill-Ġermanja minn fuq.

Fil-ħin miżjud il-Ġermaniżi kellhom gowl ta’ Havertz imħassar bil-VAR wara li l-attakkant ta’ Chelsea kien f’pożizzjoni ta’ offside. F’attakk rari tal-Ġappun id-daqqa ta’ ras ta’ Daizen Maeda marret barra biex it-tim immexxi minn Hansi Flick daħal jistrieħ 1-0 minn fuq.

Il-Ġermaniżi komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u fil-51 minuta wara li b’ħarba tajba rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja x-xutt taż-żgħażugħ Jamal Musiala mar barra. Mas-siegħa logħob reġa’ kien Gundogan li x-xutt mill-viċin tiegħu ħabat mal-wieqfa. Minuta wara Takuma Asano prova xutt ċentrali li mar barra.

Minkejja d-dominju tal-Ġermanja il-Ġappuniżi ġabu l-iskor indaqs fil-75 minuta meta Manuel Neur tajjar parzjalment kross mix-xellug, bil-ballun jasal għand il-plejer ta’ Freiburg Ritsu Doan li b’xutt fil-baxx tefa’ ġewwa. B’dan il-gowl il-Ġappun ħadu l-kunfidenza tant li fit-83 minuta marru fil-vantaġġ. Ko Itakura għadda lejn Takuma Asano li minkejja li kien issikkat minn qagħda angolata spara xutt fis-saqaf tax-xibka li ma ta l-ebda ċans lil Neuer. Is-Samurai iddefendew ir-riżultat sat-tmiem biex ħadu rbeħa kruċjali fl-ewwel logħba tal-Grupp.