Lokali Parlament

Il-gvern baqa’ sieket u bla passi quddiem il-vjolenza domestika… u nqatlet Bernice Cassar

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-parlament li l-gvern baqa’ sieket u bla passi quddiem il-vjolenza domestika

Hi qalet li dan kien it-tielet każ ta’ femiċidju din is-sena, fejn Malta kollha għajtet li s-sistema qed tfalli fejn l-omm maqtula għamlet numru ta’ rapporti lill-pulizija u nħarġet ordni mill-qorti iżda ma ngħatatx il-protezzjoni tant li nqatlet. Hi qalet li ħadd m’għandu jinħeba wara liġijiet għaliex dawn m’humiex biżżejjed.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex fil-qrati jkun hemm bżonn iktar riżorsi u maġistrati fejn quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco f’Lulju kien hemm 1,429 każ pendenti.

Hi qalet li ma jistax ikun li l-każi ta vjolenza domestika jkunu aġġornati fil-qorti għal sena u nofs wara u sostniet li n-nies qed ibatu ħafna; kul ġurnata taf tfisser ħajja jew mewt. Is-sistema wkoll falliet fejn mhux jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji. Fejn qed immorru ħażin?

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà u qalet li l-gvern mhux jagħti l-informazzjoni meħtieġa. Graziella Attard Previ sostniet li l-gvern għadu m’għamel xejn u mhux jiehu l-azzjonijiet immedjati. Il-gvern għandu jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni

Hi semmiet il-każ tal-abbużi sesswali fejn persuna kellha tirriżenja minħabba li kienet abbużata; dan hu kundanabbli.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern kellu jkun l-aktar gvern femmista fl-istorja iżda issa wara dan il-qtil, il-gvern baqa’ sieket… gvern li jtarrax. Il-fastidju sesswali m’għandu qatt ikun tollerat, jeħtieġ policy ċara fuq il-post tax-xogħol dwar fastidju sesswali.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern ma ħax azzjoni dwar it-traffikar tal-bniedem, lanqas stqarrija waħda dwar il-massage parlours li m’humiex regolarizzati u hemm dubji serji dwar l-operat tagħhom. Il-gvern qed jivvota €50,000 bħala prevenzjoni għat-traffikar tal-bnedmin.

Dwar il-familji moderni, id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern wera apatija fil-mod kif daħħal il-work life balance. Dawn huma biss il-minimu li l-gvern seta’ jdaħħal.

Hi tkellmet dwar l-LGBTIQ u qalet li jeħtieġ iktar edukazzjoni minħabba li għad hawn min jgħix f’solitudni.