Lokali Parlament

Il-Ministru Camilleri ma jgħid xejn konkret dwar il-femiċidju u kif falliet is-sistema

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri llejla ma qal xejn konkret fil-parlament dwar kif is-sistema falliet quddiem l-omiċidju tal-omm ta’ 40 sena Bernice Cassar f’Kordin.

Wara diskorsi qawwija u ta’ kritika mid-deputati Nazzjonalisti Joe Giglio, Graziella Attard Previ, Claudette Buttigieg u Carm Mifsud Bonnici, għall-mod kif is-sistema falliet quddiem l-appelli tal-istess vittma quddiem l-awtoritajiet biex tingħata protezzjoni minħabba vjolenza domestika, il-Ministru Byron Camilleri ma wieġeb l-ebda mistoqsija tal-Oppożizjzoni ħlief li qal li kien se jagħmel inkjesta.

Dwar dan il-każ, li dwaru qed jitkellem il-pajjiż kollu b’rabja, il-Ministru Camilleri qal li s-soċjetà hi rrabbjata u spjega kif l-inkjesta trid tistabilixxi l-fatti biex jittiedu deċiżjonijiet jekk ikun indikat hekk.

Hu qal li dan il-każ juri li fuq vjolenza domestika, isir kemm isir qatt m’hu biżżejjed għax xorta se jibqa’ jkun hawn vittmi. Il-Ministru tal-Intern qal li ċ-ċentralizzazzjoni tat-taqsima tal-każi tal-vjolenza domestika saret biex dan is-settur ikun trattat minn persuni professjonali mħarrġa kif suppost. Hu qal li kien hemm żieda fin-numru ta’ każi ta’ vjolenza domestika.