Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew: Fil-mira ta’ attakk wara vot li jiddikjara lir-Russja bħala sponsor tat-terroriżmu

Il-websajt tal-Parlament Ewropew spiċċa mira għal attakk ċibernetiku sofistikat li ħarbatlu s-servizzi kollha….Dan seħħ wara li l-membri tal-Parlament ivvutaw biex jiddikjaraw lir-Russja bħala sponsor tat-terroriżmu fuq livell ta’ Stat minħabba l-attakki kontinwi mill-qawwiet ta’ Moska fuq iċ-ċivili tal-Ukrajna

L-attakk ċibernetiku estern, madankollu, mhux mistenni li jwaqqaf is-servizzi tal-Parlament fit-tul. Iżda l-azzjoni tista’ tkun l-aktar waħda sofistikata qatt intiża biex tfixkel il-ħidma tal-assemblea.

L-attakk jibbaża fuq hekk-imsejjaħ denial-of-service (DDoS) fejn jintbagħat ammont kbir ta’ ‘traffiku’ lis-servers tal-kompjuter bil-ħsieb li jimblokka l-abbonaturi tal-Internet milli jidħlu fil-websajts.

L-attakki ‘Ddos” huma tattika favorita tal-hackers biex joħolqu l-kaos fuq l-Internet, bil-hackers Russi li huma qrib il-Kremlin qed jinsistu b’din l-azzjoni bi protesta kontra d-deċiżjonijiet politiċi mill-pajjiżi tal-Ewropa biex jappoġġjaw lill-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja ta’ Vladimir Putin.