Internazzjonali

Iżrael: Splużjonijiet “rari’ f’Ġerusalemm

Ġuvni ta’ sittax-il sena tilef ħajtu, b’14 oħra jindarbu waqt żewġ attakki bil-bombi li seħħew fl-inħawi ta’ żewġ vened tal-karozzi tal-linja f’Ġerusalemm.

Il-miri għal dawn l-attakki jinsabu f’zoni attivi fil-limiti ta’ din il-belt u bl-isplużjonijiet iseħħu f’ħin meta n-nies kienu qed jivvjaġġaw lejn ix-xogħol.

L-adolexxenti li nqatel fl-ewwel splużjoni kien identifikat bħala student tar-reliġjon Iżraeljan li kellu wkoll nisel Kanadiż.

Sadanittant, il-Ministeru Iżraeljan għas-Sigurtà Interna qal li dawn it-tipi ta’ attakki kienu ilhom ma jseħħu f’territorju kontrollat minn Iżrael. Dan ukoll meta f’Ġerusalemm, bħalissa, għaddejja arja ta’ tensjoni kbira wara xhur konsekuttivi ta’ vjolenza li aktar, kulma jmur, qed tintensifika.

Fl-aħħar xhur spikkaw numru ta’ attakki minn Palestinjani armati fuq l-Iżraeljani, bil-militar ta’ Iżrael imexxi diversi rejds fix-Xatt tal-Punent, li fihom inqatlu numru ta’ Palestinjani armati flimkien ma’ ċivili.

U issa, l-użu tal-isplussivi f’Ġerusalemm qed jitqies bħala wieħed mill-aktar attakki sinifikanti għal snin f’din il-belt. Filwaqt li l-ebda grupp ma assuma responsabbiltà, il-militanti Iżlamiċi mal-movimenti tal-Hamas u l-Ġiħad Iżlamiku faħħru lill-aggressuri ‘talli rnexxew fil-missjoni tagħhom’.