Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ta n-nar f’binja li kien hemm in-nies fiha

Bulgaru ta’ 33 sena inżamm arrestat mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ġie mixli li fl-Imsida, fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Novembru ta’din is-sena ta n-nar binja ta’ tliet sulari fejn dak il-ħin fiha kien hemm numru ta’ persuni. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Boris Kotsev, li huwa minn Sofia u residenti Malta f’Marsaskala li qal li jaħdem bħala operator ġewwa fabbrika f’Ħal Kirkop ġie mixli li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor, fl-istess residenza li tinsab fi Triq Santa Venera. L-Ispettur Jeffrey Scicluna li nvestiga l-każ qal li huwa kien infurmat li fis-2.30 am binja kienet ħadet in-nar, liema binja kienet mikrija lil xi persuni ta’ nazzjonalità barranija.

Sid il-binja kien ta nformazzjoni lill-Pulizija li mara barranija kellha relazzjoni ma raġel u minn aktar investigazzjonijiet rriżulta li dan kien l-akkużat. Tenna wkoll li l-mara li kellha relazzjoni mal-akkużat kienet tinsab f’binja viċin ir-residenza ta’ Kotsev f’Marsaskala.

Ix-xhud qal li huwa sar jaf li Kotsev kien ġie arrestat mill-Pulizija ta’ San Ġiljan fil-passat fejn mill-body cams tagħhom jidher li dan kien allegatament wettaq reat b’hoodie u kellu baskett u kellu wkoll d-daqna, u anke l-istatura kienet waħda kompatibbli.

L-Ispettur Scicluna qal li kompla jinvestiga u mill-‘call profiles’ tal-mobile tiegħu rriżulta li fil-ħin tal-ħruq tal-binja, huwa kien fl-inħawi. Hawn huwa għamel talba għall- mandat ta’ arrest li ġie eżegwit.

Kompla jgħid li meta nhar it-Tlieta ġie arrestat huwa ammetta l-involviment sħiħ tiegħu. Hawn  id-difiża mmexxija mill-Avukat Daniel Attard għamlet talba għall-pleġġ, liema talba sabet oġġezzjoni kbira mill-prosekuzzjoni.

Dan minħabba n-nuqqas ta’ rabtiet li għandu ma’ Malta, l-biża li jaħrab u l-gravità tal-każ li jekk jinstab ħati jista’ jiġi kundannat bejn sitta u 12-il sena ħabs. Issemmiet ukoll il-biża li jiġu intraċċati l-provi.

Id-difiża qalet li mhux minnu li m’għandux rabtiet ma’ Malta. Tenniet li ilu Malta s-snin u telaq biss fi żmien il-pandemija u li issa ilu sitt xhur Malta u għandu mpieg, għandu residenza fissa u relazzjoni f’ Malta, għadu preżunt innoċenti u għandu kondotta nadifa.

Il-Qorti qalet li prima facie hemm raġunijiet biżżejjed biex il-mara li kienet fil-binja u kellha relazzjoni miegħu tipprovdi għaliha ordni ta’ protezzjoni u dan għas-sigurtà tagħha. Qalet li l-fatt li m’għamilx żmien kontinwu f’Malta u l-fatt li kien hemm diversi persuni fil-binja mogħtija n-nar, idaħħlu biża’ li f’dan l-istadju jistgħu jkunu newtraliżżati b’xi garanzija li l-imputat jista’ jagħti.

Minn naħa tagħha l-Maġistrat Rachel Montebello ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda malajr kemm jista’ jkun biex terġa’ tiġi kunsidrata t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras, l-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.