Talanqas sitt persuni sfaw maqtula fi sparatura li seħħet f’supermarket fl-inħawi ta’ Chesapeake, fl-Istat ta’ Virginia. L-aggressur – li jaħsbu li kien is-store manager tal-kumpless – spiċċa joqtol lilu nnifsu dritt wara l-isparatura li seħħet kiesaħ u biered. Ma ngħatatx raġuni għal dan l-aġir qattiel, bl-investigaturi, inklużi aġenti tal-FBI, imexxu minnufih l-inkjesta fuq il-post tar-reat.
Fl-attakk – jew fl-isparatura – indarbu wkoll numru ta’ persuni, fosthom membri tal-istaff u xerrejja. Dan fost rapporti li talanqas ħamsa jinsabu l-isptar fejn qed ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu.
Il-massakru qanqal rabja u niket minn kull qasam tas-soċjetà, bil-Gvernatur ta’ Virginia, Glenn Youngkin, itenni li ‘dawn l-azzjonijiet deplorevoli ma għandhom l-ebda post fil-komunitajiet li qed jirrappreżenta.’ L-istess messaġġi ta’ niket u kontra l-vjolenza twasslu mis-Sindku ta’ Chesapeake, Richard Wayne West u mis-Senatur ta’ Virginia, Mark Warner.
Il-kelliema għall-kumpannija Walmart esprimew xokk u dieqa għal ‘dan l-avveniment traġiku’ u qalu li kienu qegħdin jikkollaboraw mill-qrib mal-uffiċjali tal-pulizija biex isir magħruf eżatt x’seta’ x’wassal għall-massakru.
L-awtoritajiet f’Chesapeake, intant, waqqfu zona speċjali għall-qraba tal-vittmi, bis-sit anki jipprovdi kuntatti ta’ emerġenza man-nies kollha li kienu fl-istabbiliment waqt il-ħin tal-isparatura.
Twaqqaf ukoll ċentru tal-media qrib is-sit tal-isparatura, bil-kelliema għall-awtoritajiet jikkonfermaw li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin u li ‘huma kienu qed jistennew l-informazzjoni kruċjali dwar diversi aspetti tar-reat’.Fl-istess ħin, l-awtoritajiet talbu lill-pubbliku biex jibqgħu ‘il bogħod miz-zona sakemm titlesta l-investigazzjoni tal-pulizija.
L-isparatura hi l-aħħar fost sensiela ta’ reati li ssarrfu fi qtil tal-massa u li seħħew fl-aħħar xhur fl-Istati Uniti. U l-massakru fis-supermarket tal-Walmart kellu jseħħ proprju f’lejliet il-Festa ta’ Thanksgiving li hi fost l-aktar vaganzi importanti fl-Istati Uniti.
L-attakk brutali sar ukoll tlett ijiem biss wara li ħames persuni kienu nqatlu fi sparatura oħra li seħħet f’nightclub tal-LGBT, f’Kolorado.
//= $special ?>

