Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara nirien li ħakmu residenza

Dalgħodu, għall-ħabta tal-4:45, residenza fi Triq il-Karmnu, l-Imqabba ħadet in-nar b’riżultat li mara tinsab fil-periklu tal-mewt u raġel sofra minn xi ġrieħi.

Il-Pulizija marret fil-post fejn sabu li kien hemm nirien fir-residenza, b’raġel ta’ 76 sena u mara ta’ 70 sena kienu fuq ġewwa fil-ħin tal-inċident.

Fil-post issejħu wkoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien, kif ukoll tim mediku. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura kawża tad-duħħan li kienu belgħu. Il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab f’kundizzjoni serja, filwaqt li l-kundizzjoni tar-raġel għadha pendenti.

Konsegwenza tal-ħruq, żewġ vetturi li kienu pparkjati quddiem ir-residenza sofrew xi ħsarat.

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.