Lokali Parlament

Meħtieġ sforz integrat biex jitjieb l-ambjent

Stanley Zammit PN

Neħtieġu sforz ħafna akbar, minn kulħadd u ħafna aktar integrat u kkoordinat, biex flimkien nagħmlu ambjent li jixirqielna u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Dan sostnieh id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit meta kien qed jitkellem fil-parlament.

Hu qal li jirriżulta progress fl-attitudni tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu. Anke fejn jidħol kooperazzjoni mal-kunsilli, mhux biss mal-pubbliku inġenerali, wieħed jista’ jinnota titjib.

In-nuqqas ta’ sorveljanza, in-nuqqas ta’ infurzar jew l-infurzar ta’ darba kultant qed jagħti r-riħ lill-kriminali ambjentali. Il-wiegħda li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-infurzar kontra r-rimi ta’ skart bl-addoċċ għadha fuq il-karta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ERA għandha l-infurzar tagħha, hemm l-infurzar tal-uffiċjali tal-LESA u l-pulizija, inkluz dawk fil-kommunità. Important ħafna li jkun hemm ħafna aktar inter-agency liasing u dan jigi inkoraġġit biex fejn uffiċjal ta’ entità jara li reat ma jaqax taħt ir-responsabbiltà ta’ dik l-entità, ir-rapport jgħaddi lil entità li jaqa’ taħta dak ir-reat partikolari. Dan għandu jinkludi ukoll il-platforms diġitali fejn is-softwares u l-applications li jużaw l-entitajiet ikollhom links għal softwares u applikazzjonijiet ta’ entitajiet oħra u jitkellmu bejniethom.

Ir-riforma proposta falliet tant li qed isir ir-riforma tar-riforma anke fejn jidħol l-ambjent u l-indafa pubblika, għaliex ħalliet lill-kunsilli mingħajr għodda u xotti mir-riżorsi biex ikunu jistghu jagħmlu dak li l-liġi tobblighom.

Tnieda proġett pilota fejn ir-responsabilità tat-tindif ukoll tneħħiet mill-kunsilli. Il-kunsilli jħallsu madwar €50 kuljum għal kull kennies – rata ta’ ftit aktar minn €8 fis-siegħa.

Il-proġett pilota kellu jkun il-kontra; kellu jkun proġett li jassigura li l-kunsilli tingħatalhom l-għodda, inkluż dik diġitali u integrata ma’ ta’ entitajiet oħra, biex jaqdu din ir-responsabilità b’mod effettiv u effiċjenti. Mhux fis-sena 2022 il-Ministru għadu mhux kapaci jagħti informazzjoni dwar kemm jidhlu ilmenti dwar ħmieġ fil-kunsilli.

Kien ikun aħjar kieku sar eżerċizzju biex wieħed jara kif tista’ titnaqqas il-VAT imħallsa fuq dawn il-kuntratti biex il-Kunsilli jħallsu anqas, jieħdu servizz aħjar u l-ħaddiema jitħallsu aktar diċenti.

Il-pandemija għallmitna li l-aktar turist important huwa l-Malti u l-Għawdxi. Għal din ir-raġuni u fiċ-ċokon ta’ pajjiżna ma narax għax ssir distinzjoni bejn lokalitajiet turistiċi u oħrajn le. Malta u Għawdex huma pajjiż turistiku wieħed.

Meta pajjiżna sar sit ta’ kostruzzjoni wieħed u bil-kostruzzjoni għaddejja kontinwament, jeħtieġ infurzar bis-serjetà u kontinwament dwar il-ħinijiet u l-ġranet tax-xogħlijiet, dwar it-trabijiet, dwar l-istorbju u dwar l-iskart tal-kostruzzjoni u skart ieħor relatat.

Xejn ma jiġġustifika li wieħed jarmi kull fejn u meta jfettilu, lanqas in-nuqqas ta’ infurzar. Aktar u aktar meta hawn tant servizzi offruti.

Il-Wasteserve, tajjeb li tara jekk għandux jiżdied in-numru ta’ drabi li kuntratturi żgħar b’vann jistgħu jmmoru fis-Civic Amenity Sites.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li huwa tajjeb li l-investiment fi propjetà, plant u makkinarju għal-t-tindif se jizdied bi €300,000. Imma x’jiswa dan l-investiment, x’jiswa li nonfqu €120 miljun fl-MTA biex imbagħad it-turisti jiġu hawn u jsibu pajjiż maħmuġ? X’jiswew dawn l-ispejjeż meta ma tistax tieħu lil uliedek passiġġata fl-ambjent naturali, f’siti suppost Natura 2000, bħal fuq l-irdumijiet u Għar Lapsi, u tara gzuz ta’ terrapien, landi taż-żebgħa, biċċiet tal-madum, u 100 ħaġa oħra?

L-indafa tagħti valur akbar lill-prodott turistiku tagħna, lil-lokalitajiet tagħna u lill-inħawi imwarrba imma tant sbieħ f’pajjiżna. Malta sabiħa u nadifa hija l-aqwa riklam li nistgħu nagħmlu għat-tisħiħ ta’ dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna. Malta sabiħa u nadifa hija l-ambjent li jilqgħana malli noħorġu minn djarna, sostna Stanley Zammit.