Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna wara inċident tat-traffiku li skala

Raġel ta’ 49 sena residenti Ħal-Luqa ma nstabx ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello minħabba nuqqas ta’ provi li fl-1 ta’ Ottubru 2019 viċin ir-Roundabout tal-Erbgħa Qaddisin, Ħal Qormi għall-ħabta ta’ 12. 30pm. ikkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq il-persuna ta’ Hewyn Grech Patignott, u li nġurja lilu u lil ċertu Elstan Grech Patignott u persuni oħra.

Il-Qorti qalet li minn dak li semgħet jirriżulta li dak li għamel Mark Attard kien biex jiddeffendi lilu nniffsu Huwa lanqas ma nstab ħati li kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika, b’għajjat u ġlied, li fl-istess data, lok, ħin u ċirkostanzi saq vettura b’numru Kalakku b’mod perikoluz, traskurat u negliġenti u li rrenda ruħu ricediv wara li huwa kien diġa ġie misjub ħati permezz ta’ diversi sentenzi mogħtija mil-Qrati ta’ Malta, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux
jiġu mibdula.

L-Ispettur Roderick Agius xehed li huwa ġie infurmat li kien hemm argument bejn żewġ aħwa żgħażagħ u Mark Attard ħdejn ir-roundabout magħrufa bħala tal-Imgħallaq fi Triq tal-Erba’ Qaddisin, Ħal Qormi. Ikkonferma li f’dan l-inċident Mark Attard ġarrab offiżi ta’ natura ħafifa filwaqt li wieħed mill-aħwa sofra offiżi ta’ natura gravi.

Ikkonferma li l-imputat ġie arrestat u mill-investigazzjonijiet irriżulta li kien jaf lil missier iż-żewġ persuni l-oħra li kienu involuti f’dan l-inċident u ż-żewġ naħat kienu wrew ix-xewqa li l-każ ma jitkompliex. L-Ispettur Wayne Borg xehed li fl-1 ta’ Ottubru 2019 meta kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Surġent stazzjonat fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi, ġie infurmat minn kollegi tiegħu li kienu għaddejjin fit-triq li kien hemm inċident u hu irkorra fuq il-post flimkien ma’ kollegi oħrajn tiegħu.

Hemm sab żewġ vetturi maħbutin biswit xulxin, kważi jmissu ma’ xulxin ħdejn ir-roundabout fi Triq tal-Erba’ Qaddisin, u konġestjoni sħiħa kif ukoll xi persuni mar-roundabout li kienu ta’ perikolu, anke għalihom għax setgħu jweġġgħu. Ikkonferma li dawn iż-żewġ vetturi fil-pożizzjoni li kienu, ma setgħux jinfetħu l-bibien tagħhom tan-naħat li kienu jmissu ma’ xulxin.

Dawn il-vetturi kienu vann u vettura BMW u fil-vann kien hemm tliet persuni, Mark Attard, Michael Schembri u Melanie Schembri filwaqt li fil-vettura kien hemm żewġ aħwa, Elstan u Hewyn Grech Patiniott. Huwa ra demm fuq il-vann l-abjad.

Spiċċa f’ambullanza

Ix-xhud kien ħa l-verżjoni ta’ Mark Attard waqt li kien fl-ambulanza fejn qallu li kienu ħabtu u kellhom xi jgħidu u ġie aggredit mill-aħwa. Mark Attard qallu wkoll illi kollox beda meta l-vettura BMW qabżitu u x-xufier beda jdoqqlu l-horn u jserrep quddiemu u x’ħin waslu mar-roundabout ħdejn xulxin, il-passiġġier fil-vettura BMW beda joffendih u dak il-ħin il-vettura l-oħra għafset fuqu u ħabtet mal-vann tiegħu.

Ix-xhud ikkonferma wkoll illi huwa ra filmat ta’ dan l-inċident, liema filmat kien ittella’ fuq Facebook minn persuna li kient għaddejja fit-triq dak il-ħin u f’dan il-filmat huwa ra lil Mark Attard, l-imputat, b’lembuba f’idu, wieħed mill-aħwa taħt il-vann tal-imputat li qala’ daqqtejn bil-lembuba u l-ieħor kien hemm Michael Schembri fuqu qed iżommu u Mark Attard qiegħed jagħti lilu wkoll bil-lembuba.

Ix-xhud ħa wkoll il-verzjonijiet tal-persuni l-oħra kollha li kienu involuti f’dan linċident u xehed dwar dak li stqarrewlu Melanie Schembri, Hewyn Grech Patiniott u Eltan Grech Patiniott. Xehed illi Elston Grech qallu illi huwa kien passiġġier fil-vettura misjuqa minn ħuh Hewyn. Il-vettura l-oħra waqfet ħdejn tagħhom qabel ir-roundabout u l-persuni f’dan il-vann bdew ikellmuhom b’mod arroganti fejn ix-xufier baqa’ jagħfas magħhom sakemm daħal fil-vettura tagħhom.

Hu kien indika lill-imputat u lil Michael Schembri bħala l-persuni li niżlu mill-vann biex jagħtu lil ħuh u hu niżel biex jiddefendi lil ħuh. Meta x-xhud kellem lil Hewyn Grech Patiniott, dan qallu li waqt li kien qed isuq fid-direzzjoni tal-Pavi, kien hemm vann li kien qed jinstaq fin-nofs tat-triq u paqpaqlu biex jersaq ħalli jaqbżu. Dan l-vann għalkemm resaq, ġie warajh u ġew ħdejn xulxin fuq ir-roundabout u l-vann daħal fil-vettura tagħhom.

F’daqqa u l-ħin jara lix-xufier jiġġieled ma’ ħuh, niżel mill-karozza tiegħu u ġie fl-idejn ma’ persuna li ġiet identifikata bħala Michael Schembri, u dawn iż-żewġ persuni baqgħu jagħtu lilu u lil ħuh. Ix-xhud qal ukoll illi skont Hewyn Grech, ħuh waqa’ taħt il-karozza iżda xorta waħda l-oħrajn baqgħu isawwtuh u f’ħin minnhom, ġiet il-mara li kienet magħhom u ġabet ħadida li biha hi u x-xufier bdew isawtuh biha kif ukoll bis-sieq u bil-ponn.

Ħabtu bħall-vleġġa fuq l-imputat

Michael Schembri, li jiġi missier Melanie Schembri, it-tfajla tal-imputat, xehed illi huwa kien riekeb bħala passiġġier fil-vann tal-imputat flimkien ma’ bintu meta għaddiet karozza BMW u l-persuni li kien hemm fiha, l-aħwa Grech Patiniott, bdew idoqqu u jgħajjtu u mbagħad ħabtu fil-vann tal-imputat li dak il-ħin, kien qed isuq bil-mod.

Żied jgħid li dawn iż-żewġ persuni niżlu bħal “vleġġa” fuq Mark Attard u qabdu jagħtuh f’wiċċu waqt li kien għadu fil-vann, u dan minn ġot-tieqa. Imbagħad l-imputat niżel mill-vann min-naħa tal-passiġġier, fejn it-tnejn l-oħra qabdu jtuh u rahom jiġġieldu “fuq xulxin kienu”. Imbagħad wieħed minnhom, li x-xhud identifika bħala Elston Grech Patiniott, qabad jagħti lilu kif niżel mill-vann u tefgħu mal-art.

Rahom ukoll jitilqu jiġru wara Mark Attard fid-direzzjoni tas-siġra. Michael Schembri xehed ukoll illi meta mbagħad ġew il-Pulizija, wieħed mill-aħwa reġa’ imbottah u tefgħuh mal-art quddiem il-Pulizija u ma jafx x’ġara wara. Melanie Schembri, is-sieħba tal-imputat, għażlet li ma tixhidx fil-konfront tas-sieħeb tagħha.

Il-Qorti qalet li ħlief għall-fatt illi fil-verżjoni li kien irrilaxxa lis-Surġent Wayne Borg jidher li l-imputat ma kienx semma l-fatt li kellu lembuba u kien sabbatha mal-art u mal-bumper tal-vann tiegħu, il-verżjonijiet li għandha quddiemha l-Qorti huma lkoll konsistenti fir-rigward tal-fatt illi ż-żewġ aħwa Patiniott, minnufih kif ħarġu mill-vettura tagħhom, taru għal fuq l-imputat u sawtuh waqt li kien għadu fil-vettura, u xi ħadd minnhom beda jsawwat lil Michael Schembri.

Jirriżulta ppruvat ukol  illi l-aggressjoni miż-żewġ aħwa kompliet timmanifesta ruħha anke meta waslu l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija fuq il-post, fejn wieħed mill-aħwa reġa’ aggredixxa lil Michael Schembri u tefgħu mal-art fil-prezenza tal-istess Pulizija.

Jekk f’dan il-kwadru ta’ fatti kellu jirriżulta li effettivament l-imputat aġixxa għad-difiża tiegħu jew ta’ ħaddieħor u l-elementi kollha meħtieġa għas-suċċess tad-difiża legittima kif invokat mill-imputat, huma ppruvati, ma jkun ġie kommess l-ebda reat kriminali kwalsiasi u l-imputat jinħeles minn kull ħtija kriminali għad-delitt li altrimenti jirriżulta ppruvat.

Provi fjakki tal-prosekuzzjoni

Il-provi tal-Prosekuzzjoni huma wisq fjakki biex twassalha tikkonkludi b’xi qies ta’ ċertezza li l-feriti riskontrati fuq il-persuna ta’ Hewyn Grech Patiniott kienu kkaġunati mill-imputat u minn ħadd iktar ħliefu, hija konvinta illi f’dan il-każ, abbażi tal-provi li għandha quddiemha, l-imputat aġixxa għaliex ġie rinfaċċjat bl-aggressjoni inġusta tal-aħwa Grech Patiniott, li ħarġu mill-vettura tagħhom u bdew isawtuh waqt li kien għadu fil-vann tiegħu u bdew isawtu wkoll lill-kunjatu tiegħu, raġel ta’ sebgħa u sittin sena u tefgħuh mal-art.

Il-Qorti ma taqbilx li l-fatt illi limputat ħareġ mill-vettura wara li ġie imsawwat minn wieħed mill-aħwa, għandu jxejjen is-suċċess ta’ din id-difiża anke għaliex jirriżulta li meta Michael Schembri niżel mill-vann, beda jiġi aggredit minn wieħed minn dawn iż-żewġ aħwa.

L-imputat korroborat minn Michael Schembri, xehed illi kif huwa ħareġ mill-vann wara li ġie msawwat ġo wiċċu minn ġot-tieqa tal-vann, iż-żewġ aħwa marru fuqu u bdew jiġġieldu miegħu u telqu jiġu warajh ukoll. Kien f’dan il-waqt li l-imputat talab għallinjama ossia lembuba għaliex ex admissis, ried ibeżża’ lill-aggressuri biex ma jiġux ħdejh u biex kemm jista’ jkun jitilqu ‘l hemm, anke peress li ż-żewġ aggressuri kienu qabdu jagħtu lit-tfajla tiegħu u lill-kunjatu mingħajr ebda raġuni.

Stqarr ukoll li beda jxejjer din il-lembuba ‘l hawn u ‘l hemm biex igerrex lill-aggressuri – tant illi wieħed minnhom daħal taħt il-vann – u beda wkoll isabbatha mal-art u mal-bumper tal-vann u anke ta biha lill-ieħor li dak il-ħin kien qed jagħti lil Michael Schembri iżda ma jafx fejn laqtu.

Il-Qorti ħadet qies ukoll tal-fatt li b’riżultat tal-kollutazzjoni mal-aħwa Patiniott, l-imputat ġarrab ġrieħi ħfief konsistenti f’demm ma’ imnieħru u nefħa. Ikkunsidrat ukoll il-verżjoni konsistenti tal-imputat, konfortata minn provi dokumentarji, illi dak iż-żmien huwa kien qed jirkurpa minn operazzjoni serja fil-parti intima tiegħu (bulbar urethroplasty) u billi ma setax jiddefendi ruħu sew, kien qed jibża’ li minħabba din laggressjoni huwa jintlaqat u jerġa’ jġarrab ħsara f’dik il-parti ta’ ġismu.

Il-Qorti, fil-qies tal-iskarsezza tal-provi dwar il-mod kif kien qed isuq l-imputat – sewqan li madankollu jidher li urta jew fixkel lix-xufier tal-vettura BMW – u minħabba li fil-provi li għandha quddiemha ma hemm xejn li juri li l-imputat wettaq xi manuvra illegali jew riskjuża,  hija tal-fehma li ma tistax issib htija fl-imputat li saq b’manjiera traskurata.

Wisq, anqas li s-sewqan tieghu kien wiehed bla kont u perikoluz. Għall-kuntrarju, ix-xhieda li xehdu quddiem il-Qorti xehdu illi kienet ilvettura BMW li ma kienetx qed tinstaq b’mod prudenti u bil-galbu. Fil-fatt, l-imputat u Michael Schembri t-tnejn xehdu li din il-vettura qabżithom, bdiet isserrep quddiemhom u meta waslu biswit xulxin mar-roundabout, din rasset il-vann u daħlet ġo fih. Il-fatt waħdu li x-xufier tal-vettura BMW seta’ nħasad b’xi manuvra talimputat jew il-fatt li l-imputat seta’ kien qed isuq bil-mod jew lejn in-nofs tat-triq, ma jikkostitwixxix neċessarjament sewqan traskurat.

Għaldaqstant, filwaqt li huwa ppruvat li l-vettura bin-numru ta’ reġistrazzjoni hija liċenzjata f’isem l-imputat u illi kienet qed tinstaq mill-imputat fil-ħin u lok imsemmijin fiċ-ċitazzjoni, l-imputat ma jistax jinstab ħati tal-ħames akkuża. In konklużjoni, billi l-imputat mhu qed jinstab ħati ta’ ebda waħda mill-imputazzjonijiet, ma jistax jinstab ħati li huwa għamel reat wara li kien diġa’ kkundannat għal reat b’sentenza oħra.

Konsegwentement, l-addebitu tar-reċidiva ma jirriżultax. Għal dawn il-motivi, ma ssibx lil Mark Attard ħati ta’ ebda waħda mill-imputazzjonijiet miġjuba kontrih u konsegwentement qiegħda tilliberah minn kull ħtija u piena, Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.