Lokali

“Mhux l-aħjar mument għal min hu fit-tmexxija” – Ministru Falzon

Fl-aħħar snin, il-kwistjoni tal-vjolenza domestika sfortunatament baqgħet ġerħa mhux daqstant siekta.  U f’pajjiżna smajna b’każi li jgħaddu minnhom nisa u rġiel; każi li fihom ġeneralment ikun hemm involuti l-ulied innoċenti, li bla ħtija ta’ xejn sfortunatament jispiċċaw ikunu xhieda ta’ aġir xejn denju …u f’xi każi ankè ġrajjiet traġiċi.

Diversi persuni jfittxu l-għajnuna f’xelters, uħud wara bosta xhur u snin jistaportu abbuż…oħrajn minkejja li jersqu ‘l quddiem wara żmien twil għal raġuni jew oħra…xorta waħda jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi waħedhom.

L-Erbgħa filgħodu Net News tkellem mal-Ministru għall-Familja, Michael Falzon fejn staqsejnih għal liema raġuni f’każi ta’ vjolenza domestika l-istituzzjonijiet qed ikaxkru saqajhom. Bil-Ministru jinsisti li dan mhux mument sabiħ għal min huwa involut fit-tmexxija.

Preżentament, fil-Qorti, hemm aktar minn 1,400 każ pendenti ta’ vjolenza domestika – każi li ħafna minnhom qed idumu xhur jew mhux snin biex jiġu deċiżi.

Net News staqsa wkoll dwar il-kwistjoni ta’ saħħa mentali f’pajjiżna u l-istigma li għadha qawwija. Il-Ministru saħaq li sfortunatament ċ-ċifri juru li f’pajjiżna persuna minn kull tlieta xi darba jew oħra se ssofri minn sfidi ta’ saħħa mentali.

Huwa stqarr li dan is-suġġett irid jingħata l-importanza li jixraqlu, u jinħtieġ li l-awtoritajiet jimbuttaw aktar f’dan il-qasam.

Michael Falzon appella wkoll lin-nies sabiex ma jibżgħux jersqu ‘l quddiem u jfittxu l-għajnuna…fi kwalunkwe każ.