Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Michy Batshuayi jikkastiga lill-Kanada

BELĠJU…..1

KANADA…..0

Gowl kontra x-xejra tal-logħob fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima ta rebħa mqanżħa lill-Belġju fuq il-Kanada.

Mingħajr dubju li r-riżultat hu wieħed kiefer mal-Kanada li għal ħinijiet twal kienu aħjar mill-avversarji u li tal-inqas kien ħaqqhom punt. Iżda l-Kanadiżi ma kienux preċiżi quddiem il-lasta fejn anki fallew penalty u ta dan kienu kastigati minn Batshuayi. Kanada impressjonaw speċjalment fejn dehru għal kollox superjuri għall-Belġju, fejn bil-veloċita’ u pressing kontinwu ma tawx nifs lil De Bruyne u sħabu jirraġunaw. Kien il-goalkeeper Courtois l-eroj tal-Belġjani fl-ewwel taqsima fejn salva diversi tentattivi tal-avversarji, anki jekk il-Kanadiżi kienu pjuttost erratiċi fil-konklużjonijiet tagħhom.

L-isbaħ ċans għal Kanada wasal fil-11-il minuta meta ballun deher jaħbat ma’ id Carrasco u wara konsultazzjoni mal-VAR ingħata l-penalty iżda x-xutt fil-baxx ta’ Davies kien salvat minn Courtois. Qabel l-intervall u kontra x-xejra tal-logħob kien Batshuayi li skorja l-gowl tal-vantaġġ tal-Belġju.

Fit-tieni taqsima l-logħba kienet iktar miftuħa b’azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, bil-Kanadiżi jżidu l-isforzi biex jiksbu d-draw iżda l-Belġju bdew ikunu perikolużi bil-ħarbiet tagħhom.