Lokali Qorti

Minn ħabs effettiv għal sentenza sospiża għax l-ammont ta’ droga kien żgħir; każ li jmur lura 18-il sena

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonvertit sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs għal waħda ta’ sena ħabs sospiża għal tliet snin wara li qieset il-fatt li l-ammont ta’ droga misjuba fuq raġel residenti tas-Sliema li kellu l-vizzju akuta ta’ droga kien wieħed minimu u li l-każ imur lura għal 18-il sena.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet fis-sentenza tagħha li Jason Abela għamel kambjament f’ħajtu fejn irnexxielu jeħles mill-vizzju misħut tad-droga tant li l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni dwar il-persuni li nqabdu bid-droga stqarrew li Abela temm b’suċċess l-proċess ta’ rijabilitazzjoni tiegħu u għahekk il-Qorti qalet li għandha tvarja s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.

L-Ewwel Qorti fuq ħtija ta’ pussess aggravat ta’ droga eroina mhux għal użu personali tiegħu, kienet ukoll immultat lil Jason Abela  €2,000, liema multa niżlet għal €500. Il-Qorti semgħet li Abela kien arrestat mill-pulizija tal-iskwadra ta’ kontra d-droga f’Mejju tal-2004 wara jiem ta’ sorveljanza minħabba suspett ta’ traffikar ta’ droga.

Huwa kien deher ħiereġ mill-blokk t’appartament ma’ bintu ż-żgħira u pprova jaħrab meta ra lill-pulizija. Huwa kien telaq jiġri u rema’ diversi karti tal-flus. Meta nqabad u saritlu tfittxija, l-pulizija sabu tliet pakketti b’sustanza kanella fihom f’pakket tas-sigaretti. Is-sustanza nstab li kienet eroina. Fuqu kellu wkoll madwar €900 fi flus kontanti.

Kienet ukoll saret tfittxija fl-appartament tiegħu fejn instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga u aktar droga. Abela dejjem qal lill-Qorti li huwa kien jabbuża ħafna mid-droga u li kien jieħu bejn nofs gramm u gramma ta’eroina kuljum fil-garaxx t’ommu.

L-Ewwel Qorti iżda ma kinetx konvinta mill-verżjoni tiegħu. Abela ressaq appella fuq il-fatt li l-ammont ta’ droga li nstabet fuqu huma ammonti redikoli fejn kellu fuqu tliet qratas b’ kull wahda jkollha anqas minn gramma eroina. Irriżulta wkoll li dak iż-żmien kien juża ħafna eroina, u ghalhekk f’ sitwazzjoni bħal din kienet xi ħaġa ovvja li persuna ta’ dak it-tip jinsatabu dawk l-ammont li kellu fuqu u dan biex jissodisfa l-kilba tiegħu stess.

Jiddejjaq jieħu d-droga quddiem bintu

Abela qal li madankollu l-Ewwel Qorti tat ħafna piż għall-fatt li nstab bid-droga fuqu meta kien ħiereġ mid-dar u mhux vice-versa. Huwa  spjega li ġewwa daru kien jiddejjaq jieħu droga quddiem tifla ta’ tmien snin għalhekk huwa kien normalment rna’ jieħux droga d-dar u li din kien jeħodha jew għand sieħbu jew ġewwa Tignè f’Tas Sliema stess.

L-Avukat Edward Gatt li deher għal Abela staqsa x’fiha mhux kredibbli li missier li jkollu fil-vizzju misħut tad-droga jara kif jagħmel biex quddiem uliedu ma’ jieħux droga?

Jekk wieħed joqgħod jahseb u jixtarr għal ftit fuq din l-ispjega ir-risposta ovvja għandha tkun li dak li qal Abela għandu ħafna mis-sewwa u li l-Ewwel Qorti dwar il-punt ta’ pussess aggravat kienet skorretta u kellu biss jigi rnisjub ħati ta’ pusses sempliċi biss u mogħti piena li solitament tingħata lil persuni li jinstabu fil-pusess ta’ ammonti bħal dawk li nstabu fuqu.  

L-appell fuq il-każ sar ukoll fuq il-fatt li d-dewmien għal każ stupidu bħal dan   żgur li ma’ jippermettix li bniedem jigi mibghut il-ħabs. Gatt qal li dan huwa  ksur manifest tad-drittiijiet fundamentali tal-bniedem minħabba dewmien eseġerat minn l-aktar lampanti.

‘L-Ewwel Qorti, minkejja li d-dewmien in parte kien anke attribwit lilha stess, premjat lil Abela b’ dak li qatt ma’ kien imissha għamlet u kkundannatu sentenza ta’ ħabs effettiva.

“Illi ċertament li wara ‘ tbażwira’ bħal din l-anqas ħaġa li kellha ssir kellha tkun li wieħed jinghata piena ferm u ferm anqas ħarxa,” qal l-Avukat Edward Gatt. Mill-provi ħareġ li dak iż-żmien li kien gie arrestat kien jikkonsma bejn nofs gramma u gramma eroina kważi kuljum. Kien joħodha jew fil-garaxx ta’ ommu u ġieli barra għaliex kellu tifla b’diżabilità u ommha kienet telqet u kien għaddej minn trawma. Huwa kien ikkonferma li dakinhar il-pulizija qabżu fuqu u kellu xi flus.

Kien iġemma biex isiefer lit-tifla għall-kura

Tenna li kien jieħu ħsieb il-logħob tal-Marsa Racing Club u li dakinhar li ġie imwaqqaf mill-pulizija kellu xi LM300 (madwar 700 ewro) fuqu għaliex kien qed iġemma biex isiefer lit-tifla għal kura.

Mistoqsi kif kien jieħu d-droga jgħid li kien jittaqqab. Jghid li jekk ixammar idejh din hija mimlija ‘puncture marks’ għaliex kien jittaqqab f’idejh. Qal li huwa kien jaqsam id-droga biex ikollu ghal kuljum.

Kien jaħbiha u għalhekk kien jaqsamha biex kull darba jieħu pakkett. Ikkonferma li dakinhar il-pulizija sabitlu xi erba’ jew hames pakketti. Mistoqsi mingħand min kien jinqeda jgħid li mingħand ħafna nies madwar Malta pero mingħand min qal li nesa.  

Qal li meta kien jixtriha sħiħa kien jidħol it-toilet jixgħel ix-shower u jaqsamha bil-kwiet. B’hekk ma kienx iħalli t-tifla tidħol fuqu. Qal li ħieli uża l-miżien biex jaqsam id-droga. Qal li minhabba l-‘addiction’ li kellu jekk kien ikollu borża kbira fuqu kollha kien joħodha. Qal li dakinhar li waqfuh il-pulizija kien se jieħu lit-tifla għand ommu u kien sejjer Tignè sabiex jaħbi d-droga. Il-qratas li kellu kienu jservuh gurnata jew tnejn.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti setgħet legalment issib il-ħtija fuq l-imputat u li huwa minnu li mhux mixtieq li Qorti Superjuri tbiddel id-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti, madankollu tali diskrezzjoni tista’ tingħatra meta jkun hemm kunsiderazzjonijiet oħra li għandhom jiġu kunsidrati, fosthom bħal dan il-każ fuq l-ammont ta’ droga misjuba u t-trapass taż-żmien.