Lokali Qorti

Mixlija li serqet portmoni b’aktar minn elf ewro lil klijenta ta’ supermarket

Mara ta’ 27 sena minn Birkirkara wieġbet mhux ħatja li f’Marzu li għadda serqet aktar minn elf ewro fi flus meta ġibdet portmoni minn baskett ta’ klijenta ta’ supermarket f’Buġibba. Yanika Cuschieri li fil-Qorti qalet li ma taħdimx ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li fit-22 ta’ Marzu wettqet is-serqa fil-konfront ta’ mara li ħalliet il-baskett tagħha ma’ l-art fejn il-cash register u hemm meta ġiet biex tħallas skopriet li l-portmoni kien ittieħdilha.

L-allegata vittma xehdet fil-Qorti li dak inhar tas-serqa kienet marret tiġbed elf ewro mill-ATM tal-BOV f’San Pawl il-Baħar u wara marret biex tixtri minn Supermarket. Hija qalet li ġibdet dan l-ammont ta’ flus kienet se ssiefer biex tagħmel intervent.

Hija qalet li għandha biċċa mit-tort dwar dak li ġara, għar-raġuni li ħalliet il-baskett waħdu. Tenniet li f’ħin minnhom daħlet mara, li għarfet bħala l-akkużata fl-awla. Tenniet li ma kinitx rat lil Cuschieri tieħu l-portmoni u li lil din kienet ratha titkellem ma’ waħda mill-ħaddiema tas-supermarket u talbitha prodott biex tixtrih.

Ix-xhud qalet li meta ma sabitx il-portmoni ddeċidiet li tmur tagħmel rapport, bil-Pulizija tmur fuq il-post u mill-filmati tas-CCTV tal-ħanut deher ċar li kienet l-akkużata li serqitilha l-portmoni. Hawn il-Qorti staqsiet lix-xhud jekk il-magna tal-BOV aċċettattx li tagħtiha elef ewro, bil-mara twieġeb fl-affermattiv u qalet li għandha l-irċevuta biex tikkonferma dan.

Wara xehed is-Surġent Matthew Calleja li mar is-Supermarket u ċċekkja l-filmati u wara mar għand l-imputata għax kien jaf fejn toqgħod u dan għax darba kienet marret l-Għassa tal-Pulizija. Tenna li Cuschieri toqgħod faċċata tal-istess ħanut fejn seħħet is-serqa. Huwa qal li miegħu ammettiet li kienet hi li serqet il-portmoni.

L-Ispettur Frank Cauchi ppreżenta lill-Qorti l-filmat bħala prova u talab lill-Qorti biex timponi kundizzjonijiet fuq l-imputata minħabba l-fatt li meta kienet mitluba biex tattedni l-Qorti baqgħet ma deheritx. Id-difiża oġġezzjonat minħabba li l-mara tressqet b’ċitazzjoni, iżda l-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex l-imputata tattendi għas-seduta. Il-każ ikompli fid-19 ta’ Jannar li ġej fid-9am.