Lokali

Olandiż jaqla’ daqqa ta’ sikkina fin-Naxxar

Olandiż ta’ 42 sena minn San Ġwann kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li qala’ daqqa ta’ sikkina fin-Naxxar.

Il-każ seħħ l-Erbgħa għal ħin ta’ nofsinhar f’appartament fi Pjazza Toni Bajada, in-Naxxar meta għal xi raġuni l-vittma dabbar daqqa ta’ sikkina bl-aggressur jaħrab minn fuq il-post.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-investigazzjonijiet irriżulta li raġel daħal firresidenza, waqt li ġewwa kien hemm Olandiż ta’ 42 sena u Franċiża ta’ 29 sena.

Allegatament, ir-raġel rabathom, talabhom jatuh xi flus u affarijiet oħra filwaqt li beda jheddidhom b’arma tan-nar kif ukoll allegatament ta’ daqqa ta’ sikkina lill-Olandiż. Wara li seraq ammont ta’ flus u oġġetti oħra, huwa ħarab minn fuq il-post.

Fil-pront waslu tim mediku tal-ambulanza li ħadu lir-raġel l-isptar għal aktar kura filwaqt li ġew imsejħa wkoll l-assistenza tal-Pulizija. Irriżulta li ir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara li ttieħdet ukoll l-isptar Mater Dei sofriet minn xokk.

Ftit tal-ħin wara, l-uffiċjali ġew notifikati li fi Triq San Pawl, fin-Naxxar stess, kien hemm persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni tal-aggressur. Il-persuna mwaqqfa ġiet idenfitikata bħala żagħżugħ ta’ 26 sena mis-Serbja, residenti n-Naxxar stess.

Filwaqt li s-suspettat ġie arrestat mill-Pulizija, fil-vettura, li kienet bla pjanċi tar-reġistrazzjoni, nstabet sikkina, fost oġġetti oħra. Intant, s-Serb ittieħed id-Depot tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet filwaqt li nħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello.