Lokali

Repubblika trid li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Ministru Byron Camilleri jirriżenjaw

Repubblika ngħaqdet mas-sogħoba tal-pajjiż kollu għall-qtil brutali tat-Tlieta filgħodu.

L-Għaqda waslet għal konklużjoni li Bernice Cassar inqatlet għax hi mara, membru ta’ ġeneru li f’pajjiżna hu vittma tal-vjolenza, l-abbuż, id-diskriminazzjoni, u kultant il-qtil imwettaq minn irġiel.

Repubblika tenniet ukoll is-solidarjetà u l-appoġġ dejjiemi tagħha għall-isforzi tal-attivisti nisa fis-soċjetà ċivili biex iġibu bidliet li jilliberaw lin-nisa minn dan il-jasar krudili.

Fl-istess waqt xtaqu jagħmlu tliet osservazzjonijiet dwar dak li sar magħruf f’dan il-każ u li jirrappreżentaw ir-realtà għal eluf ta’ persuni vittmi tal-irġiel jew nisa vjolenti f’ħajjithom:

1. Id-deċiżjoni tal-Ministru Byron Camilleri u tal-Kummissarju Angelo Gafà li ħabbru flimkien fit-30 ta’ Novembru 2020 li jiċċentralizzaw l-ipproċessar ta’ rapporti ta’ vittmi tal-vjolenza domestika għamlitha ferm aktar diffiċli li dawn il-vittmi jilħqu lil awtorità li għandha l-ħin li tismagħhom u l-kapaċità li tagħmel xi ħaġa biex tipproteġihom. Vittmi ta’ vjolenza domestika li riedu jagħmlu rapporti fl-għases tal-pulizija ntbagħtu lura d-dar fejn seħħet il-vjolenza. Meta marru fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija sabu kjuwijiet ta’ siegħat twal li jew qatgħulhom qalbhom dak inhar jew qatgħulhom qalbhom meta reġgħet seħħet il-vjolenza u ma kienx prattiku li jirrapportaw dak li ġralhom. Minflok kif wiegħed il-gvern rama’ ruħu aħjar biex jirċievi rapporti ta’ vjolenza domestika, ħoloq ostakli projbittivi ġodda li gerrxu lill-vittmi.

2. Id-deċiżjoni tal-Gvern li l-akkużi ta’ vjolenza domestika jinstemgħu minn Maġistrat waħda biss minkejja li jammontaw għal eluf ta’ persuni akkużati tfisser li l-ġustizzja f’Malta m’għandhiex il-kapaċità li tindirizza fi żmien raġjonevoli sitwazzjonijiet ta’ periklu ċar għall-vittmi. Vittmi ta’ vjolenza domestika li jirrapportaw inċident li jsir illum mhux se jkollhom smiegħ fil-Qorti qabel aktar minn sena u nofs oħra. Dan hu sinjal lilhom biex ma jirrapportawx meta terġa’ sseħħ il-vjolenza sakemm qed jistennew ġustizzja fuq episodji tal-imgħoddi. Dan hu messaġġ tal-Istat lill-vittmi tal-vjolenza domestika li m’għandux ħin għalihom u għat-tbatijiet tagħhom.

3. Bernice Cassar ingħatat b’ordni tal-qorti protezzjoni minn żewġha. L-awtoritajiet m’għamlu xejn u ma bidlu xejn fl-aġir tagħhom biex din l-ordni ta’ protezzjoni jkollha xi forma ta’ effett. Dan tant hu minnu li ma jidher minn imkien li rapporti ta’ vjolenza li għamlet sussegwentement għall-ordni ta’ protezzjoni kienu ttrattati b’xi mod differenti milli kieku l-ordni ta’ protezzjoni ma kinitx teżisti. Fil-fatt allura l-ordni ta’ protezzjoni ġabet l-affarijiet agħar għax ħolqot sens falz ta’ sikurezza li minnu nniffsu żied il-periklu.

Huma saħqu li dawn huma fallimenti politiċi u amministrattivi. It-tbatija biex isir rapport ta’ vjolenza domestika, id-dewmien biex jinstemgħu l-akkużi fil-qorti, u l-ineffettività totali ta’ ordinijiet ta’ protezzjoni kienu fatti għal kollox ċari għall-awtoritajiet minn qabel inqatlet is-Sinjura Bernice Cassar li kienu fid-dmir li jipprevedu l-konsegwenzi ta’ dawn il-fallimenti.

Repubblika sostnet li l-gvern injora it-testimonjanza ta’ uffiċjali tal-pulizija, avukati tal-vittmi, maġistrati, u uffiċjali tal-qorti, biex ma nsemmux tal-eluf ta’ vittmi. Dan waqt li fil-pubbliku spiss u b’konsistenza, il-gvern iddikjara li għalih il-vjolenza domestika kienet materja ta’ priorità u li kien qed jieħu l-miżuri biex jassigura li tkun miġġielda. Fil-fatt, il-miżuri li kien qed jieħu kienu qed iżidu l-periklu għall-vittmi.

“Kif tennejna għal sentejn sħaħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, naqblu li meta jkun hemm suspett serju li l-istat falla mid-dmir tiegħu li jipproteġi d-dritt sagrosant tal-ħajja ta’ ċittadina tiegħu, inkjesta indipendenti għandha tgħinna nitgħallmu l-lezzjonijiet biex ma nirrepetux dawn l-iżbalji. Hu għalhekk li nawguraw li l-ħidma tal-Imħallef Geoffrey Valenzia ma ddumx ma tagħti l-frott mixtieq”.

Huma saħqu li jemmnu iżda li din l-inkjesta ma tistax taħdem b’xi forma ta’ serenità meta hu ċar għal kulħadd li deċiżjonijiet li ħadu u azzjonijiet li għamlu l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kellhom il-konsegwenza diretta li esponew lis-Sinjura Bernice Cassar għall-periklu ċar u eventwalment għat-tneħħija brutali ta’ ħajjitha.

Hu għalhekk li ma narawx triq oħra ħlief li indipendentement mill-inkjesta, il-Ministru Camilleri u l-Kummissarju Gafà immedjatament jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li ħabbru pubblikament nhar it-30 ta’ Novembru 2020 u jirreżenjaw.