Il-qawwiet tar-Russja bumbardjaw mill-ġdid lill-belt ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, fost rapporti li l-belt ta’ Lviv, lejn il-punent tal-Ukrajna, spiċċat mingħajr dawl minħabba l-qerda tal-faċilitajiet għall-enerġija mill-missili ta’ Moska.
Intant, il-Moldova, ġar tal-Ukrajna, ukoll irrappurtat sensiela ta’ blackouts intensivi avolja ma jidhirx li dan il-pajjiż intlaqat mill-bombi tar-Russi.
Madankollu, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Kiev qalu li l-aħħar mewġa ta’ missili mill-għadu laqtu numru ta’ djar u infrastruttura kritika – bis-Sindku ta’ Lviv, Andriy Sadovy, joħroġ direttivi biex ir-residenti jfittxu l-kenn fix-xelters ‘waqt li jagħmlu li jistgħu biex jipproteġu lit-tfal’.
Ir-Russja, fl-aħħar jiem, żiedet l-attakki fuq in-networks tal-enerġija fl-Ukrajna u meta kuljum qed jinstemgħu l-isplużjonijiet f’diversi lokalitajiet taċ-ċivili Ukreni
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-qawwiet Russi fetħu l-attakki ġodda fuq it-territorju Ukren tan-nofsinar – b’xita ta’ missili taqa’ direttament fuq ir-reġjun ta’ Mykolaiv.
Sadanittant, tarbija fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia tilfet ħajjitha meta missila tar-Russi laqtet it-taqsima tal-maternità fi sptar lokali – u b’ommha ssalva b’miraklu.
Iżda waqt li Moska qed tkun akkużata dwar dawn l-atroċitajiet, il-kelliema għar-Russja mhumiex jikkummentaw dwar l-azzjonijiet li, fost oħrajn, qed iħallu diversi blackouts fid-diversi bnadi tal-Ukrajna.
Madankollu, l-attakki fuq l-infrastruttura qed jidhru li qerdu kważi nofs is-sistema għall-produzzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna—bir-riżultat li miljuni ta’ nies jinsabu mingħajr dawl aktar ma qegħdin jidħlu l-elementi tax-xitwa.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, min-naħa tiegħu, qed jakkuża lir-Russja dwar kampanja sistematika ta’ terrur u omiċidju indirizzat speċifikament għall-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna.
//= $special ?>

