Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Wirja mpekkabbli minn Spanja kontra Costa Rica

(Ritratt: EPA)

SPANJA ……………….7

COSTA RICA ………….0

Spanja urew il-qawwa kollha tagħhom ilbieraħ meta b’wirja mpekkabbli ġabu fix-xejn lil Costa Rica b’rebħa ta’ 7-0. It-tim żagħżugħ li ppreżenta fil-Qatar il-kowċ Luis Enrique għandu l-kredenzjali kollha biex javvanza f’din il-kompetizzjoni anki jekk wieħed irid jara wkoll it-tim Spanjol kontra timijiet iktar b’saħħithom minn dak ta’ Costa Rica.

L-intenzjonijiet ta’ Spanja mill-ewwel kienu evidenti f’din il-logħba, fejn l-Ispanjoli bis-solitu pussess totali tal-ballun ħadu għal kollox l-inizjattiva f’idejhom, bil-plejers ta’ Costa Rica kostretti jsegwu lill-avversarji għal ħinijiet twal.

Spanja riedu dak il-gowl kmieni fil-logħba biex ineħħu l-pressjoni minn fuqhom u biex jevitaw xi sorpriża kif seħħ fil-logħba l-oħra mill-istess grupp.

Fl-ewwel miunuti kien hemm tentattivi ta’ Dani Olmo u Asensio iżda dawn fallew il-mira.Il-gowl kien fil-qrib u wasal fil-11-il minuta meta Gavi b’lob preċiż żmarka lil Olmo li war kontroll impekkabbli qabbeż il-ballun minn fuq Navas biex fetaħ l-iskor.L-Ispanjoli litteralment ma telqux il-ballun minn saqajhom u għaxar minuti wara wasal it-tieni gowl meta Marcos Asensio b’xutt mill-ewwel ħasad lil Keylor Navas li deher xi ftit inċert u maħsud f’din l-azzjoni.Bil-plejers ta’ Costa Rica ma jwettqux reazzjoni l-Ispanjoli komplew jagħtu lezzjoni ta’ futbol bil-pussess totali u serje ta’ passes qosra.Fil-31 minuta Spanja ngħataw penalty meta Jordi Alba twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru b’kalma kbira Ferran Torres ma żbaljax.

L-andament fit-tieni taqsima ftit inbidel anki jekk l-Ispanjoli naqqsu xi ftit mir-ritmu iżda mhux mill-pusses tal-ballun li kien wieħed kważi totali.Fl-54 minuta Spanja skorjaw ir-raba’ gowl meta Ferran Torres daħal tajjeb u seraq il-ballun lid-difiża ta’ Costa Rica biex mill-viċin għeleb lil Navas għar-raba’ darba u skorja b’hekk it-tieni gowl tiegħu u ftit minuti wara ċeda postu lil Alvaro Morata.

Kwarta mit-tmiem il-ħames gowl minn azzjoni ta’ Alvaro Morata lejn Gavi li x-xutt mill-ewwel tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka. Minuta mit-tmiem Spanja għaqqdu n-nofs tużżana meta Soler spara fix-xibka wara azzjoni ta’ Williams. Dan ma kkuntentax lill-Ispanjoli li fit-93 minuta żiedu gowl ieħor, is-seba’ wieħed permezz ta’ Alvaro Morata