Ambjent Lokali

78 skola ppremjati talli ressqu lit-tfal iktar lejn in-natura

Issir iċ-Ċerimonja ta' Premjazzjoni tal-programm Dinja Waħda fl-Esplora

78 skola madwar Malta u Għawdex kienu premjati għall-kisbiet eċċezzjonali li għamlu sabiex iressqu lit-tfal lejn in-natura permezz tal-programm ta’ edukazzjoni ambjentali bl-isem Dinja Waħda – programm ta’ Birdlife Malta li huwa mifrux fost l-istudenti fl-iskejjel, mill-Kinder sas-Sekondarja.

Iċ-ċerimonja ta’ prezentazzjoni saret il-Ħamis filgħodu fl-Esplora fejn fil-Primarja, 51 skola ġew premjati bil-Gold Award, 5 skejjel irċevew is-Silver Award, tliet skejjel ħadu l-Bronze u 15-il skola ngħataw ċertifikat. Apparti dan, zewġ skejjel ġodda rċevew il-Blue Banner; award għal skejjel li jkunu rebħu l-Gold Award għal tliet snin wara xulxin.

Fis-sekondarja, żewġ skejjel reħbu l-gold award, skola waħda rebħet is-silver u skola oħra l-bronze. Dawn l-unuri kienu ibbażati fuq l-impenn lejn il-biodiversita u l-edukazzjoni għas-sostenibbilta.

Din iċ-ċerimonja fakkret ukoll it-tnedija ta’ sena skolastika ġdida għall-progamm Dinja Waħda li jifforma parti mill-impenn ta’ Birdlife Malta biex tħares in-natura u l-abitat permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim barra mill-klassi.