Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Gavi jsir it-tielet l-iżgħar skorer fit-Tazza tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Il-gowl li skorja l-Ispanjol Gavi fir-rebħa kbira ta’ Spanja kontra Costa Rica poġġa liż-żagħżugħ Spanjol fuq il-podium tal-iktar plejers żgħar li skorjaw f’fażi finali tat-Tazza tad-Dinja. Gavi fl-eta’ ta’ 18-il sena u 110 jum sar it-tielet l-iżgħar plejer f’din il-klassifka, bl-iżgħar plejer jibqa’ l-leġġendarju Pele.

Pele jibqa’ fil-quċċata ta’ din il-klassifika meta fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fl-Iżvezja fl-1958 kien skorja kontra Wales biex sal-lum għadu l-iżgħar plejer li skorja waqt it-Tazza tad-Dinja. Il-logħba kontra Wales kienet intlagħbet fid-19 ta’ Ġunju 1958 u Pele kellu 17-il sena u 239 jum.

Fit-tieni post wara Pele u quddiem Gavi hemm id-difensur Messikan Manuel Rosas. Dan kien skorja fl-ewwel idizzjoni tat-Tazz tad-Dinja fl-1930, kważi mitt sena ilu. Rosas fl-eta ta’ 18-il sena u 93 jum, kien skorja fil-logħba bejn il-Messiku u l-Arġentina, logħba li ntlagħbet fid-19 ta’ Lulju 1930.

Fir-raba’ post f’din il-klassifika hemm Michael Owen li fil-logħba Ingilterra v Rumanija fl-1998 skorja fl-eta’ ta’ 18-il sena u 190 jum.