Futbol Sport

Ħamrun Spartans f’attività b’differenza għal kawża ġusta

Il-waqfa tat-tim nazzjonali pprovdiet lill-leaders tal-kampjonat Hamrun Spartans b’opportunità oħra biex jaqsmu l-passjoni tagħhom għall-isport ma’ membri inqas ixxurtjati fis-soċjetà. Din id-darba Ħamrun Spartans għażlu li jippratikkaw sport differenti b’kollaborazzjoni mal-Malta Wheelchair Basketball Association u l-Kulleġġ St. Patrick’s.

L-iskwadra ta’ Ħamrun, komposta mill-plejers li ma kellhomx impenji mat-tim nazzjonali flimkien mal-istaff tekniku, ingħaqdu fil-Kulleġġ San Ġorg Preca fil-Ħamrun stess fejn numru ta’ żgħażagħ mill-Iskola St. Patrick’s f’Tas-Sliema sfidawhom f’logħba ta’ basketball 3×3 b’ritmu mgħaġġel. L-isfida saret aktar diffiċli għal plejers bħal Emerson Marcelina, Dodo u Elvis Mashike u kollegi, hekk kif dawn il-pleyers li jilagħbu fuq wheelchair għandhom talent kbir.

Naturalment, għalkemm il-court tal-basketball kien iċ-ċentru tal-attenzjoni tal-ġurnata, l-Ispartans ferħu liż-żgħażagħ preżenti u talbuhom jingħaqdu magħhom fil-pitch ta’ barra fil-Liċeo għal daqtejn ballun.

Fi tmiem l-attività, organizzata minn Ħamrun Ħanin bl-appoġġ tal-Malta Wheelchair Basketball Association, il-kowċ ta’ Spartans Branko Nisevic qal li huwa dejjem ta’ sodisfazzjoni li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn tferraħ lill-ħaddieħor u filwaqt li fl-iskwadra tal-Ispartans jeżistu individwi li kellhom tfulija diffiċli, huwa essenzjali li jiftakru kemm huma xxurtjati li qed jaqilgħu x’jieklu minn xi ħaġa li qed jieħdu gost jagħmlu, jilagħbu l-futbol.

Noel Aquilina, President tal-Klabb tal-Malta Wheelchair Basketball Assocation żied jgħid li din l-attività, flimkien ma’ Ħamrun Spartans u l-Kulleġġ St. Patrick’s kienet opportunità biex titqajjem kuxjenza dwar l-inklużjoni u rikonoxximent ulterjuri ta’ kif l-isport jista’ jgħin biex jinżlu l-ostakli u jgħinna nifhmu li minkejja d-differenzi tagħna, aħna lkoll l-istess.