Internazzjonali

Iċ-Ċina: Rekord ta’ każi tal-Covid għal ġurnata waħda, bil-virus jieħu spinta ġdida

Iċ-Ċina rreġistrat l-ogħla ammont ta’ każi tal-Covid-19 għal ġurnata waħda mill-bidu tal-pandemija fl-aħħar xhur tal-2020. Dan minkejja l-miżuri ħorox implimentati mill-Gvern komunista bil-għan li jelimina l-virus waqt politika intiża għal ‘zero Covid’.

Il-kapitali Beijing u numru ta’ bliet oħrajn – fosthom Guangzhou, li hu hub ewlieni għall-kummerċ – qegħdin jgħaddu mill-ġdid mill-epidemiji tal-coronavirus, bir-rekord tal-każi għal nhar l-Erbgħa jkun stabbilit mal-31,527. In-numru hu rekord ġdid għal jum wieħed wara li f’April kienu rreġistrati 28,000 każ fuq perjodu ta’ 24 siegħa (fiċ-Ċina).

Dan il-pajjiż għandu popolazzjoni ta’ 1.4 biljuni, bl-awtoritajiet qed jgħidu li mietu ‘uffiċjalment’ ftit aktar minn 5,200 mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn.

Madankollu ċ-ċifri huma dubjużi għaliex l-istatistika qed tindika li mietu biss tliet persuni bil-Covid għal kull miljun ruħ fiċ-Ċina.

Filwaqt li l-politika Ċiniża ta’ ‘zero Covid’ salvat il-ħajja ta’ ħafna nies f’dan il-pajjiż, il-miżura ħalliet impatt ħażin ħafna għall-ekonomija u l-ħajja normali tal-poplu.

Fil-fatt, il-Gvern Ċiniż, xi ġimgħat ilu, kien kostrett li jnaqqas ftit mir-riġidità tar-regoli għal kontra l-Covid.

Fiċ-Ċina, in-nies li jkollhom il-kuntatti ma’ pazjent bil-Covid issa jridu jagħmlu ħamest ijiem u mhux ġimgħa magħluqin f’faċilità tal-Istat għall-kwarantina. Minbarra dan, huma jridu jagħmlu wkoll tlett ijiem magħluqin id-dar – iżda l-awtoritajiet, fl-istess ħin, mgħadhomx jirreġistraw il-kuntatti sekondarji u dan qed jgħin biex aktar ċittadini jevitaw il-kwarantina.

L-uffiċjali anki pruvaw jevitaw lockdowns ‘totali’ tal-ibliet bħalma kien seħħ aktar kmieni fis-sena f’Shangai, li hi l-akbar belt taċ-Ċina.

Madankollu, ix-xenarju kapaċi jinbidel sew aktar ma tidħol ix-xitwa u meta l-awtoritajiet f’Beijing irreġistraw spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid, minbarra l-ewwel imwiet mill-virus, għal xhur sħaħ. Fil-fatt, l-uffiċjali ordnaw li jingħalqu numru ta’ ħwienet, ristoranti u skejjel f’xi distretti tal-kapitali.

Il-belt ta’ Zhengzhou, fiċ-ċentru taċ-Ċina, minn għada se tinforza lockdown effettiv għal sitt miljun resident u ma tkunx sorpriża li l-miżura tkun irrepetuta f’ħafna bliet oħra fil-pajjiż matul il-jiem li ġejjin.

Dan għaliex fi kwalunkwe ħin, rapport wieħed biss dwar infezzjoni bil-Covid kapaċi jwassal għal lockdown ta’ belt jew zona sħiħa – u fejn in-nies iridu jibqgħu ġewwa bilfors għal perjodu ta’ żmien speċifikat mill-awtoritajiet komunisti.