Lokali Saħħa

Il-Gvern jirrifjuta ħidma parlamentari dwar id-Dijabete

Fil-jum li fih il-Parlament Ewropew ressaq Mozzjoni storika favur il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-kura tad-Dijabete, il-Gvern Laburista rrifjuta li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma informali biex jaħdem dwar id-Dijabete.

Wara talba li għamel il-Partit Nazzjonalista biex jitwaqqaf dan il-grupp ta’ ħidma bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Whip tal-Labour Andy Ellul irrifjuta din it-talba, li kienet tfisser li l-grupp ta’ ħidma juża’ waħda mill-kmamar tal-Kumitati Parlamentari biex il-laqgħat ikunu jistgħu jixxandru fuq it-TV tal-Parlament.

Filwaqt li jesprimi d-dispjaċir tiegħu għal din id-deċiżjoni żbaljata, il-Partit Nazzjonalista xorta se jkompli bil-ħidma favur pazjenti u professjonisti fil-qasam tad-Dijabete. Il-laqgħat se jsiru xorta u l-informazzjoni li toħroġ minn din il-ħidma se tkun aċċessibbli għall-media u l-pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li hi ħasra li l-Gvern, b’mod arroganti, għażel it-tribaliżmu partiġġjan fuq ħidma bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra għall-ġid komuni.