Internazzjonali

Il-Malasja: Anwar Ibrahim jieħu l-ġurament ta’ Prim Ministru

Anwar Ibarahim fl-aħħar sigħat ingħata l-ġurament bħala l-għaxar Prim Ministru tal-Malasja wara diversi jiem ta’ staġnar ta’ wara l-elezzjoni.

Anwar,  veteran politiku li sa ftit ilu kien qed imexxi l-Oppożizzjoni, inħatar Prim Ministru mir-Re Sultan Abdullah wara li l-elezzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa produċew riżultat indeċiż…Riżultat li fih Anwar u l-eks Prim Ministru  Muhyiddin Yassin ma kisbux il-maġġoranza sempliċi biex jiffurmaw Gvern.

Intant, mhux ċar kif se tkun iffurmata l-koalizzjoni mmexxija minn  Anwar u wara li l-Partit Pakatan Harapan (PH) tiegħu rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni tas-Sibt. Fil-fatt, kellhom jgħaddu jiem ta’ negozjati intensivi għal ftehim dwar Gvern pdid u fejn kienu diskussi u miċħuda diversi ‘formazzjonijiet’ ta’ alleanzi politiċi.

Peress li ħafna mill-mexxejja politiċi fil-Malasja għandhom id-differenzi ideoloġiċi u personali, is-sitwazzjoni bilfors kienet tirrikjedi l-intervent tar-Re Abdullah – b’wieħed, issa, qed jistenna biex jara jekk il-Gvern ġdid jinvolvix koalizzjoni formali ta’ partiti; Gvern ta’ minoranza inkella Gvern għall-għaqda nazzjonali li jinkludi lill-partiti ewlenin kollha.