Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Portugall jegħlbu lill-Ghana b’gowls fit-tieni taqsima

(Ritratt: EPA)

Il-Portugall għelbu lill-Ghana bl-iskor ta’ 3-2 bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima.Din il-logħba mhux biss kienet mistennija mill-partitarji tal-Portugall, iżda d-dinja kollha kienet qed tistenna li tara lil Cristiano Ronaldo jilgħab l-ewwel logħba kompettitiva tiegħu wara l-intervista kontroversjali li kellhu ftit ta’ jiem ilu.

L-ewwel azzjoni denja waslet wara 10 minuti logħob meta t-talisman Portugiż Cristiano Ronaldo prova jegħleb lil Lawrence Atti Zigi iżda l-goalkeeper ħareġ tajjeb u rnexxielu jbiegħed il-periklu faċilment.Il-Portugall ħasbu li kisbu l-vantaġġ wara 31 minuta logħob meta Ronaldo xeħet ġewwa, iżda r-referee Ismail Elfath iddeċida li jħassar il-gowl wara li Ronaldo kien qiegħed f’pożizzjoni irregolari. B’hekk iż-żewġ timijiet daħlu għal ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 0-0.

Il-Portugiżi ħarġu jfittxu l-gowl tal-vantaġġ iżda l-Ghana komplew jilagħbu l-logħba tagħhom fejn iddefendew  tajjeb u pruvaw  jaqbdu l-avversarju tagħhom b’kontrattakk. Kien imisshom il-Ghana li jittanataw xortihom minn kontrattakk meta Mohammed Kudus prova konklużjoni individwali minn barra l-kaxxa iżda l-midfielder ta’ Ajax xeħet barra.

Fil-65 minuta l-Portugall fetħu l-iskor wara ħafna okkażjonijiet mitlufa permezz ta’ penalty ta’ Cristiano Ronaldo wara li rebaħ foul fil-kaxxa kommess minn Salisu. B’dan il-gowl, Cristiano Ronaldo jsir l-ewwel plejer fl-istorja li skurja f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Kontra l-andament tal-logħba, l-Ghana kisbu d-draw wara 73 minuta meta Andre Ayew xeħet ġewwa minn kross ta’ Kudus li kien devjat minn Danilo Pereira. Il-Portugall ma damux ma reġgħu kisbu l-vantaġġ meta Joao Felix tefgħa ġewwa b’xutt fil-baxx minn pass ta’ Bruno Fernandes. Żewġ minuti wara l-Portugall irduppjaw l-iskor meta s-sostitut Rafael Leao xeħet ġewwa b’Bruno Fernandes għal darb oħra b’assist tajjeb.  Il-Ghana skurjaw gowl ftit minuti qabel it-tmiem tal-logħba iżda l-gowl ta’ Osman Bukari ma kienx biżżejjed sabiex jiksbu d-draw.