Lokali Qorti

Jinżamm arrestat ir-raġel akkużat li qatel lil martu f’Raħal Ġdid

Quddiem numru kbir ta’ familjari tal-vittma li ppakkjaw l-awla tal-Qorti hekk kif tressaq Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba, residenti l-Qrendi mixli bil-qtil ta’ martu, Huwa inżamm arrestat fejn ġie akkużat bil-femiċidju ta’ martu Bernice Cassar ta’ 40 sena kmieni nhar it-Tlieta filgħodu f’Raħal Ġdid. Huwa tressaq il-Qorti wara li l-Ħamis filgħodu ttieħdulu tliet stqarrijiet fid-Depot tal-Pulizija.

Cassar li qal li jaħdem għal rasu wieġeb mhux ħati li qatel lil martu b’arma tan-nar u li wettaq atti vjolenti fil-konfront tagħha. Roderick Cassar ġie mixli bi 15-il akkuża bl-aktar wara gravi tkun dik li fit-22 ta’ Novembru fiż-żona industrijali ta’ Kordin, kantuniera ma’ Triq il-Baċir f’Raħad Ġdid spara lill-martu u kkaġunalha l-mewt.

Huwa ġie mixli wkoll li ssekwestraha, uża vjolenza, li żamm arma bla permess u bla liċenzja, seraq mobile, għamel ħsara fuq karozza tal-għamla Qashqai, kiser ordni ta’ protezzjoni, hedded persuni waqt li kkommetta reat, kiser il-paċi pubblika, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li ta fastidju lill-vittma, li kien isegwiha u kkaġunalha biża.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri m’għamlu l-ebda talba għall-pleġġ u għalhekk Roderick Cassar ittieħed il-ħabs ta’ Kordin. Id-difiża minn naħa tagħha ma kkontestatx l-validità tal-arrest u l-Avukati tiegħu talbu li l-imputat jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-ħabs fejn il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba.

Il-Qorti minn naħa tagħha rrakondat lid-Dorettur tal_Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li wara li jagħmel ir rakkomoadanzzjonijietr tiegħu jiddeċiedi fejn l-aħjar post għandu jinbagħat l-akkużat. Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima huwa kien l-ewwel persuna li qatt ġie akkużat b’femiċidju – verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju, kunċett li ġie introdott fil-liġi kriminali f’Malta aktar kmieni din is-sena, b’riżultat ta’ emendi li nħolqu mill-qtil vjolenti ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema fl-Ewwel tas-Sena.

Cassar kien arrestat fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa wara li uffiċjali tal-Pulizija daħlu fl-appartament tiegħu fil-Qrendi fi tmiem 17-il siegħa ta’ stennija. Sadanittant instabet l-arma fir-residenza tal-akkużat li hija maħsuba li ntużat fil-qtil. L-uffiċjali tal-Pulizija fil-frattemp kienu qed jannaliżżaw wkoll filmati tas-CCTV li ttellgħu mix-xena tal-qtil jippruvaw biex ikollhom aktar provi dwar x’għamel fil-ħin tar-reat Cassar fuq il-post tal-isparatura.

Bernice Cassar inqatlet minn żewġ tiri ta’ arma tan-nar f’dak li qed jitqies omiċidju konsegwenza ta’ storja ta’ vjolenza domestika bejn il-vittma u żewġha, bil-koppja li kienet għaddejja minn proċess ta’ separazzjoni. Kif irrapporta b’mod esklussive NET News il-vittma kemm-il darba kienet irrapportat lis-suspettat lill-pulizija fuq vjolenza domestika, bl-aħħar rapport ippreżentat nhar it-Tnejn, ġurnata qabel il-qtil.

L-avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras deheru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija. Minkejja li ma kienx parti mill-Prosekuzzjoni, s-Supretendent Keith Arnaud deher imexxi lill-Ispetturi li mexxew l-investigazzzjoni.

Ritratt: Chris Sant Fournier
Ritratt: Matthew Tabone