Lokali

Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna – PN

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-unika forza politika favur il-ħajja f’pajjiżna

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jikkunsidra l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern bħala l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jkun favur dan l-abbozz ta’ liġi kif propost mill-Gvern.

B’dan l-abbozz ta’ liġi l-Prim Ministru Robert Abela qed jikser il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi meta f’Jannar 2020 stqarr li ser jiġġieled kontra min jipprova jintroduċi l-abort f’pajjiżna.

F’laqgħa li saret ilbieraħ, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta wkoll il-bżonn li l-liġijiet ta’ pajjiżna joffru ċertezza legali u protezzjoni għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’każ meta jkun meħtieġ intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm li tkun tinsab f’periklu ċar.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jesprimi sodisfazzjon għall-fatt li l-proposta mressqa minn 81 akkademiku u professjonist tirrifletti l-pożizzjoni tagħna dwar kif il-Kodiċi Kriminali għandu jiġi emendat biex jintlaħaq dan l-għan mingħajr ma jiġi introdott l-abort f’pajjiżna.

Nistennew li l-Gvern jagħti widen għal dak li qiegħed jgħid l-Partit Nazzjonalista bl-appoġġ sħiħ tal-akkademiċi u l-professjonisti Maltin.

Filwaqt li Robert Abela jrid idaħħal l-abort, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ l-unika forza politika favur il-ħajja f’pajjiżna.