Lokali Qorti

Tliet snin ħabs għal mara meta aggredit koppja b’tarbija b’sikkina li pprovat tisraqha f’darha

Mara ta’ 29 sena mill-Gżira ġiet ikkundannata tliet snin ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstabet ħatja ta’ attentat ta’ serq minn fuq koppja li kienet għadha kemm dieħla d-dar b’tarbija waqt li kienet liebsa maskra kbira tal-karnival. Miriam Elabed instabet ħatja li wettqet dan ir-reat fil-15 ta’ April 2015, liema reat beda mill-entrata ta’ blokk ta’ appartamenti fi Triq Graham, f’Tas-Sliema.

Hija nstabet ħatja wkoll li tat bidu għal dan ir-reat meta hekk kif ippruvat tisraq lill-koppja, żammitha kontra r-rieda tagħha u li darbet ħafif lir-raġel b’sikkina, liema arma baqgħet qatt ma nstabet. U akkuża oħra li nstabet ħatja għaliha hi li fl-istess jum u lokalità kkommettiet serqa minn fuq anzjana u li kisret sentenzi tal-Qorti.

Mill-provi irriżulta li l-koppja kienet dieħla d-dar meta persuna liebsa maskra tal-karnival ippuntat sikkina lejn ir-raġel u waqt li talbitu l-flus, aggredietu u laqtitu f’żaqqu u f’siequ. Ir-raġel vittma qal fil-Qorti li kien sema’ taħbita fuq il-bieb ta’ barra meta kien għadu kif għalaq il-bieb ta’ barra u kien qed jirranġa l-‘pushchair’ filwaqt li martu bdiet tielgħa t-taraġ bit-tarbija f’idejha.

Meta fetaħ il-bieb tal-komun, daħlet persuna b’maskra tal-karnival fuq wiċċha u baseball cap kbira fuq rasha u talbitu għall-flus. Huwa rrifjuta u ra li din il-persuna kellha sikkina f’idha lleminija u attakkatu biha. Ir-raġel irnexxielu jneħħielha l-maskra u waqt li l-persuna ħarbet minn fuq il-post waqgħetilha l-beritta li kienet liebsa.

Fl-istess jum il-Pulizija waslilha rapport ieħor dwar serqa minn fuq anzjana f’Tas-Sliema stess, tliet kantunieri l-bogħod mis-serqa tal-koppja bl-anzjana sofriet ġrieħi f’idha. Fuq dan il-każ Elabed ma nstabitx ħatja għax l-anzjana m’għarfitx lill-aggressur.

Sadanittant fil-każ tal-koppja il-mara tar-raġel aggredit identifikat raġel li qalet li kien jixbah lill-persuna li ppruvat tisraqhom, madankollu l-Pulizija eskludiet li kien dan ir-raġel li pprova jwettaq is-serqa għax dak iż-żmien kien qed jattendi programm residenzjali.

Test tad-demm li ttieħed minn fuq il-beritta użata mill-ħalliela tikkonferma li d-demm kien ta’ mara u kien għalhekk li bdew jiġu eżaminati profili ta’ persuni LGBTIQ+. Kien hawn li Elabed ġiet arrestata, investigata u tressqet fil-Qorti mixlija bl-attentat ta’ serq minn fuq il-koppja u s-serqa minn fuq l-anzjana.

Fil-Qorti l-koppja rrakkuntat l-attentat ta’ serq waqt li l-anzjana qalet li kien dalam u ma ħarsitx lejn il-persuna li serqitha għalkemm qalet li kellha xagħarha mqaxxar. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Montebello qalet li l-mara li kienet dieħla ma’ żewġha d-dar għarfet lill-akkużata tant li kien mid-deskrizzjoni tagħha li l-Pulizija waslet għal Elabed.

Hija qalet li hu mmaterjali li l-koppja rrappurtat li l-aggressur kien raġel għax il-ġeneru tal-persuna ma jistax jitqies li huwa determinanti għall-fini ta’ identifikazzjoni għax faċilment jista’ jagħti lok għal ambigwità. Il-Maġistrat Montebello żiedet li test fuq id-demm li nstab fuq il-beritta tal-persuna li serqet lill-koppja wera li dan kien tal-akkużata.

Il-Qorti qalet ukoll li ma tqis li ma tistax tagħti wisq valur probatorju lil din l-identifikazzjoni għaliex ir-raġel kien għamilha ċar li b’kollox, huwa ra lill-aggressur tiegħu biss għal 10 sekondi jew inqas, u ma kienx ħares f’wiċċu għaliex kien iffokat fuq is-sikkina.

Il-mara kkonfermat fix-xhieda tagħha li kienet rat wiċċ l-aggressur mingħajr il-maskra għal żewġ minuti sħaħ u dan meta niżlet ħdejn żewġha biex tipprova tgħinu waqt li kien qed jissielet mal-aggressur. Ratu wkoll bla maskra meta ġie lura jiġbor is-sikkina u fix-xhieda tagħha ikkonfermat li hija ratu kjarament tant li kienet f’pożizzjoni li tiddeskrivi l-fattizzi ta’ wiċċu lill-Pulizija minnufih wara l-inċident kif ukoll li tidentifikah kieku kellha terġa’ tarah.

Fil-fatt, waqt id-depożizzjoni tagħha, l-mara identifikat lill-imputata bħala l-persuna li aggrediet lil żewġha b’sikkina. Il-Qorti tosserva illi din ix-xhud ikkonfermat dan wara li kienet ġiet murija ħafna ritratti fuq computer u fosthom kienet
identifikat persuna li tixbaħ ħafna lill-aggressur u effettivament, fix-xhieda tagħha quddiem il-Qorti kkonfermat illi hija kienet għarfet ir-ritratt li jirriżulta li huwa ta’ raġel li fil-fehma tagħha jixbaħ ħafna lill-aggressur.

Il-Prosekuzzjoni xliet lill-imputata wkoll li hija reċidiva. Madanakollu, l-Qorti qalet li għajr għall-fedina penali tal-imputata, hija naqset milli tipproduċi prova suffiċjenti dwar dan. Minbarra l-piena ta’ tliet snin ħabs il-Maġistrat Montebello ordnat lil Elabed biex għal perjodu ta’ tliet snin wara li tiskonta l-piena ma tersaqx lejn il-koppja. Hija ordnatilha wkoll tħallas is-somma ta’ €3,285 fi ħlas ta’ esperti li tqabbdu biex jagħmlu rapporti b’rabta ma’ dan il-każ.